L-iskema “Literary Translation” ta’ Creative Europe hija injezzjoni sostanzjali ħafna ta’ kapital fil-ħolqien u l-promozzjoni ta’ traduzzjonijiet letterarji ta’ kwalità. L-għan tagħha huwa li tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta’ letteratura billi tappoġġa proġetti ta’ traduzzjoni b’kwalunkwe lingwa (kemm bħala s-sors u kemm bħala l-mira tat-traduzzjoni) li hija rikonoxxuta uffiċjalment f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja jew tal-EFTA. B’mod partikolari, it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ letteratura minn lingwi inqas użati għall-Ingliż, Spanjol, Franċiż u Ġermaniż huwa mħeġġeġ billi din iżżid il viżibilità ta’ dawn ix-xogħlijiet fl-Ewropa u lil hinn.

L-iskema hija miftuħa għall-pubblikaturi u d-djar tal-pubblikazzjoni kollha bbażati fl-UE li ilhom jeżistu mill-inqas sentejn u toffri l-finanzjament kollaborattiv (sa 50 fil-mija tal-ispejjeż kollha eliġibbli) tat-traduzzjoni, il-pubblikazzjoni u l-promozzjoni ta’ minimu tat-3 u massimu ta’ 10 xogħlijiet ta’ fiction. Hemm żewġ tipi ta’ kuntratti disponibbli – kategorija tat-tip 1, li se tinħareġ kull sena sal-2020, toffri għotja massima ta’ 100, 000 ewro għal proġetti ta’ sentejn, filwaqt li kategorija tat-tip 2, li ħarġet f’Diċembru 2013 u se toħroġ l-aħħar f’Diċembru 2018, toffri  kuntratt ta’ FPA (framework partnership agreement) li jdum 3 snin b’għotja massima ta’ 100, 000 ewro fis-sena.

Kif intqal qabel, l-iskema tagħti preferenza lil traduzzjonijiet minn lingwi inqas użati għall-Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol. Dan għandu jkun interessanti ħafna għall-pubblikaturi Maltin peress li l-Malti huwa fost il-lingwi inqas użati u traduzzjonijiet ta’ letteratura Maltija mhumiex daqshekk komuni. Barra minn hekk,  l-iskema tiffavorixxi wkoll traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ awturi li rebħu l-EUPL (European Union Prize for Literature).

Kull min huwa interessat għandu jżur il-websajt ta’ Creative Europe u jibdew billi jaqraw bir-reqqa il-linji gwida. Huwa importanti ħafna li l-proġett jaqbel mal-parametri stabbiliti fil-linji gwida. Is-sit tiggwida l-applikanti għall-Portall tal-Parteċipanti fejn jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. L-applikanti huma mħeġġa jirrevedu l-proġett tagħhom sewwa wara l-qari tal-linji gwida sabiex ikunu ċerti li l-applikazzjoni tagħhom ikollha ċans tajjeb li tiġi magħżula. Il-websajt hija faċli għall-utent u joffri appoġġ fil-forma ta’ help-desk.

L-iskadenza għas-sejħa attwali hija 25/7/2018, ftit aktar minn xahar bogħod. Dawk kollha interessati huma mħeġġa jibdew jippreparaw l-applikazzjoni tagħhom issa billi jżuru l-websajt u jistudjaw il-lista ta’ dokumenti meħtieġa fil-linji gwida. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ bil-qawwa pubblikaturi u djar tal-pubblikazzjoni lokali biex jaħsbu f’ proġetti interessanti u japplikaw!


Share Article