Il-kittieb magħruf Franċiż-Eġizzjan Gilbert Sinoué se jidher f’avveniment iddedikat għax-xogħol letterarju tiegħu nhar il-Ħamis 9 ta’ Novembru f’M.A. Grima Hall, MCC, fit-tmienja nieqes kwart ta’ filgħaxija. L-awtur, li x-xogħlijiet tiegħu huma meqjusa klassiċi moderni fil-ġeneru tar-rumanz storiku, se jkun qed jitkellem mal-Prof. Toni Aquilina dwar l-esperjenzi tiegħu bħala awtur, it-temi politiċi u soċjali li jfasslu x-xogħol letterarju tiegħu, l-importanza tal-istorja, kif ukoll aspetti oħra tal-karriera artistika tiegħu.

Mħarreġ bħala kitarrist klassiku, Sinoué beda l-karriera tiegħu bħala kittieb fl-età ta’ 40 sena meta ppubblika l-ewwel rumanz tiegħu La Pourpre et l’olivier, jew Calixte 1er le pape oublié, li kiseblu l-premju Jean d’Heurs għall-aħjar rumanz storiku. Sentejn wara, ippubblika t-tieni xogħol tiegħu, Avicenne jew La route d’Ispahan, li jirrelata mal-ħajja ta’ Avicenna, it-tabib Persjan, filosofu u xjentist. Kważi x-xogħol kollu li ppubblika minn dak iż-żmien jaqa’ taħt il-ġeneru tar-rumanz storiku, li jagħmel il-preżenza tiegħu fil-Festival rilevanti ħafna peress li t-tema magħżula għall-Festival din is-sena hija l-kunċett tal-verità fil-letteratura.

Il-rumanz storiku huwa ġeneru letterarju li jiġbor fih stejjer ambjentati fil-passat. Ir-rakkont għandu ħabta jkun dettaljat ħafna fid-deskrizzjoni tal-modi, il-kundizzjonijiet soċjali u dettalji oħra tal-perjodu. Din it-tensjoni bejn l-awtentiċità storika u l-elementi fittizji ta’ spiss issir punt ta’ dibattitu  għall-qarrejja u kritiċi popolari, filwaqt li l-kritika akkademika spiss tmur lil hinn minn dan il-kummentarju u tinvestiga l-ġeneru għall-interessi tematiċi u kritiċi oħra tagħha.

Waqt it-taħdita, se jkun hemm qari ta’ siltiet mix-xogħolijiet tal-awtur u l-avveniment se jkun segwit minn sessjoni ta’ mistoqsijiet mill-udjenza. Aktar tard filgħaxija, fit-8:30, l-awtur ser ikun preżenti fl-istand tal-Ambaxxata Franċiża biex jiffirma kopji tax-xogħol tiegħu u jkellem lill-membri tal-pubbliku.


Share Article