Dan huwa l-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017 (verżjoni għall-mowbajl). Il-Festival se jsir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) mit-8 sat-12 ta’ Novembru. Din is-sena l-programm fih ħafna aktar minn 50 attività u avvenimenti bi tnedijiet ta’ kotba u preżentazzjonijiet, konferenzi, taħditiet, drammi u attivitajiet oħra ta’ divertiment għat-tfal. L-attivitajiet huma mħejjija jew mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew mill-parteċipanti fil-Festival, li tista’ tgħid jinkludu kull pubblikatur, bosta bejjiegħa tal-kotba u NGOs kif ukoll aġenziji pubbliċi involuti fl-industrija tal-ktieb.

 

 

 

L-attivitajiet ewlenin ta’ din is-sena jinkludu konferenza Truth in Fiction and Non-fiction, li ser iseħħ fl-ewwel ġurnata tal-Festival u li fiha ser jieħdu sehem ħafna mill-mistednin tal-Festival ta’ din is-sena. Dawn huma l-kittieb lokali Alex Vella Gera, il-poeta u kittieba mill-Kuwajt Shahd Alshammari, l-awtur Franċiż Gilbert Sinoué u l-kittieba Britannika Ros Barber. Id-diskussjoni se tkun moderata minn Rosie Goldsmith, eks-ġurnalista tal-BBC u l-fundatriċi tal-European Literature Network. Goldsmith se tkun qed tmexxi ukoll attività importanti ta’ din is-sena – workshop dwar kitba ta’ reċensjonijiet letterarji u l-promozzjoni tal-kotba. Il-workshop, bit-titlu A Riveting Workshop, se jkun immexxi ukoll mill-ġurnalist Max Easterman u se jkun nhar il-Ħamis 9 ta’ Novembru f’M.A. Grima Hall (MCC).

Avveniment ewlieni li jseħħ kull sena u huwa mistenni ħafna mill-pubbliku huwa serata ddedikata lir-rebbieħ tal-Premju għal Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba tas-sena preċedenti, li fl-2016 ingħata lil Mario Azzopardi. Azzopardi ingħata l-premju għax-xogħol estensiv tiegħu fil-letteratura u t-teatru, mhux biss bħala artist, kittieb u direttur tat-teatru iżda wkoll bħala kritiku u persuna li għamlet ħafna biex tħeġġeġ lill-awturi Maltin biex jħallu warajhom temi parrokkjali u topiċi sabiex jesploraw temi li għandhom aktar rilevanza soċjali u attwali. F’din l-attività, li se ssir fis-Sala Sir Temi Zammit fit-8 ta’ filgħaxija, se jkun hemm qari ta’ siltiet tax-xogħol ta’ Azzopardi, diskussjoni u film qasir li juri intervista mal-personalità.

Ċelebrità oħra fix-xena letterarja lokali se tkun l-attenzjoni ta’ attività mtella’ minn Merlin Publishers. Trevor Żahra, wieħed mill-ismijiet l-aktar familjari fix-xena lokali, se jkun onorat b’avveniment iddedikat għall-kitba tiegħu u l-karriera tiegħu fl-okkażjoni tas-70 sena tiegħu. Se jkun hemm diskussjonijiet mal-awtur, iffirmar tal-ktieb u anke riċeviment wara l-attività fejn il-membri tal-pubbliku jistgħu jiltaqgħu mal-awtur magħruf.

Barra minn hekk, il-mistednin speċjali kollha għall-Festival, inkluż l-awtur lokali Alex Vella Gera, se jidhru f’avvenimenti ddedikati għall-karrieri letterarji tagħhom. Alex Vella Gera se jitkellem ma’ Teodor Reljić dwar l-esperjenzi varji tiegħu bħala kittieb u wkoll bħala film-maker u mużiċist, fl-Activity Area nhar il-Ħamis fit-8 ta’ filgħaxija.

Għall-ewwel darba l-Festival se jkollu tliet lingwi barranin, apparti l-Malti u l-Ingliż: Franċiż, Taljan u Ġermaniż. Il-Ġermaniż se jkun irrappreżentat mill-German Maltese Circle u d-Dipartiment tal-Ġermaniż tal-Università ta’ Malta li se jidhru bħala parteċipanti għall-ewwel darba.

Il-membri tal-pubbliku għandhom isegwu l-paġna fuq FB u s-sit tagħna għal aktar tagħrif u aġġornamenti dwar il-Festival u l-ħafna attivitajiet tiegħu. Dan il-Festival huwa bla dubju l-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-ktieb fil-kalendarju kulturali kollu tal-pajjiż u m’għandux jintilef minn dawk li jħobbu l-kotba u l-qari.

 

 

 

 

 

 

 

 

L-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017:


Share Article