Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni għall-Konkors Letterarju tal-Films Qosra 2017 laħaq deċiżjoni unanima u fetaħ il-fondi għall-proġett Dritt għall-Punt, ippreżentat mis-Sur Charles Stroud u l-kumpanija tiegħu Mitħoltma. Il-proposta tal-proġett hija l-adattament tal-istorja qasira Dritt għall-Punt mill-aħħar pubblikazzjoni ta’ Joe Friggieri, Nismagħhom Jgħidu (Kite Group, 2016).

Fl-istorja ta’ Friggieri, li ntgħażlet mill-kritiku letterarju Paul Xuereb bħala l-istorja bl-istruttura narrattiva l-aktar b’saħħitha fil-ġabra sħiħa ta’ għoxrin storja qasira, kittieb liberali f’pajjiż taħt il-madmad ta’ dittatura irid jiddefendi lilu nnifsu kontra l-akkużi li jippreżentalu uffiċjal tal-pulizija. It-taħdita iebsa u mimlija tensjoni bejn il-kittieb u l-uffiċjal tal-pulizija tiġġenera l-azzjoni drammatika, li hija tipika tax-xogħol teatrali ta’ Friggieri. Il-membri tal-ġurija ħassew li l-proposta identifikat u sfruttat korrettament dan l-aspett tan-narrattiva u li l-adattament propost għandu l-potenzjal li jibni fuq it-temi u l-motivi li huma essenzjali għall-viżjoni tal-awtur.

Wara taħdita mas-Sur Charles Stroud u s-Sur Matthew Stroud u preżentazzjoni dwar il-proposta mill-istess rappreżentanti tal-kumpanija Mitħolma, il-membri tal-ġurija kienu konvinti li l-proġett huwa realistiku u li kemm iż-żmien allokat u l-baġit propost għall-produzzjoni tal-films huma serji u fattibbli. Il-film, li l-produzzjoni tiegħu se tibda fil-ġimgħat li ġejjin, għandu jkun lest għall-ewwel dehra tiegħu f’Novembru li ġej, meta se jidher f’ attività speċjali fl-edizzjoni li jmiss tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (MCC, il-Belt Valletta, 8-13 ta’ Novembru 2017) . Membri tal-pubbliku li jżuru l-Festival se jkunu jistgħu jaraw il-premier tal-film mingħajr ħlas u se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu kemm mad-direttur tal-film kif ukoll mal-awtur.

Il-Konkors Letterarju tal-Films Qosra huwa miftuħ għal timijiet li jagħmlu films qosra bil-Malti ta’ bejn 15 u 20 minuta msejsa fuq novella Maltija ppubblikata. Biex japplika, it-tim irid jissottometti script kif ukoll pjan tal-proġett li jinkludi rendikont finanzjarju. Il-proposta magħżula tirċievi €20,000 bħala finanzjament mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) kif ukoll servizz ta’ konsultazzjoni mill-istess Bodr ta’ Aġġudikazzjoni. Il-KNK  jalloka wkoll għotja ta’ €1000 lill-awtur tan-novella oriġinali bħala kumpens għall-użu tal-istorja tiegħu.

Il-ġurati għal din is-sena kienu Charles Calleja Storace, Andrei Vella Laurenti u Ruben Zammit. Matul il-perjodu tal-produzzjoni, it-tim irid iżomm kuntatt mal-KNK u mal-Bord ta’ Aġġudikazzjoni biex ikun żgurat li l-proġett qed jiżviluppa skont il-proposta u skont il-kriterji u r-regoli tal-applikazzjoni.


Share Article