It-tieni jum tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus fetaħ b’attività mistennija ħafna, speċjalment minn dawk li għandhom għal qalbhom l-arti u l-filosofija. Prof. Hubertus von Amelunxen, il-Provost tal-European Graduate School (EGS), magħruf sew għax-xogħol tiegħu bħala kuratur u membru ta’ organizzazzjonijiet artistiċi, mexxa taħdita dwar il-fotografija bħala rappreżentazzjoni. Kien hemm ukoll diskussjoni f’panel ma’ Prof. Vince Briffa u Dr Clive Zammit. Il-preżenza ta’ għadd kbir ta’ nies fl-udjenza tixhed għall-interess u l-entużjażmu li attivitajiet bħal dawn iqanqalu fil-pubbliku.

hubertus1hubertus2

Attività maħsuba għall-kittieba ta’ kull livell, ‘Engaging With Words’, ma’ Miriam Calleja, kisbet ukoll l-attenzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ udjenza motivata ħafna. Apparti l-workshop, Calleja qrat għadd ta’ poeżiji tagħha bil-Malti u bl-Ingliż. Workshop ieħor fuq it-tema tal-kitba, Conjuring Characters, ma’ Caroline Smailes, iffoka fuq il-proċess kreattiv fil-ħolqien ta’ karattri konvinċenti fin-narrativa. Fost l-udjenza kien hemm ukoll studenti tal-Junior College li ħadu sehem fl-attivitajiet ta’ kitba, flimkien ma’ membri oħra tal-udjenza.

Wara Smailes, kien imiss lil Glen Calleja b’dimostrazzjoni u taħdita dwar is-sengħa tal-legatorija. It-taħdita misset għadd ta’ mistoqsijiet relatati mal-istruttura tal-ktieb u għażla ta’ struttura. Membri tal-udjenza kellhom iċ-ċans imissu b’idejhom l-għodda ta’ dan l-artiġjanat tradizzjonali u jitgħallmu dwar l-użu ta’ dawn l-għodda.

miriamcarolinesma1

carolinesma2glenIl-programm wara nofsinhar kien varjat ħafna. Fost l-attivitajiet kien hemm diskussjoni fuq il-Malti bħala l-lingwa tal-kċina, imtella’ minn L-Għaqda tal-Malti, u attività li tiffoka fuq il-fużjoni bejn il-films u l-poeżija, ikkurata minn Noel Tanti (Inizjamed), li fiha inqraw għażla ta’ poeżiji fl-isfond ta’ film relatat. L-attivitajiet kollha kienu milqugħa tajjeb ħafna mill-udjenza li, fl-ispirtu tal-festival, kienu mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv.

kcinA1fuzjoni2

kcina2fuzjoni1Nirringrazzjaw lil membri tal-pubbliku li żaru l-attivitajiet tal-Festival għax l-interess u l-motivazzjoni tagħhom tagħti skop għall-ħidma li saret biex il-Festival iseħħ. Inħeġġu lil kulħadd jżur il-Festival fl-aħħar jum illum 6 ta’ April.


Share Article