Il-Festival Nazjzonali tal-Ktieb 2019 wasal fi tmiemu u l-esperjenza kienet għal darb’oħra waħda tal-ġenn!

Tista’ taċċessa l-filmat qasir li tħejja dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ dis-sena minn dil-ħolqa ta’ youtube.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-mistiedna lokali u internazzjonali ta’ din l-edizzjoni: Loranne Vella, Dave Rudden, Jon Courtenay Grimwood u Kali Wallace, kif ukoll lill-mistiedna speċjali l-On. Imħallef Rosemarie Aquilina. Magħhom jingħaqdu l-imsieħba l-oħra tal-Festival li mingħajrhom ma kienx isir.

Ix-xows ta’ filgħodu li kienu bbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tas-sena l-oħra (Mamà, Allura din Imħabba? ta’ Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna u Jarmuk ta’ Stephen Lughermo) kienu estremament ta’ suċċess mat-tfal u anki l-kbar. Ringrazzjament speċjali jmur lil Antonella Axisa u l-grupp ta’ atturi tagħha Marilù Vella, Jamie Cardona, Brandon Terribile u Mikhail Basmadjian għall-adattamenti mill-aħjar tal-kotba msemmmija. Ħajr lil Katrina Xuereb tal-kostumi, Neil Zerafa għall-ASM, Giovann Attard mid-Drama Unit u lil Teatru Malta talli ħejjew l-ispazju biex l-atturi jipprattikaw.

U safrattant sakemm qed nagħlqu kollox bil-kwiet ix-xogħol għad-dieħla diġà beda. Il-Kunsill iwiegħed li se jibqa’ jistinka biex jasssigura l-aqwa esperjenza fil-Gżejjer Maltin relatata mal-kotba u l-qari. Ħerqana biex nerġgħu narawkom is-sena d-dieħla.

 

 


Share Article