Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-aktar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-ktieb prestiġġjuża fil-Gżejjer Maltin, jiftaħ il-bibien għall-pubbliku nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Novembru, u jibqa’ sejjer sal-Ħadd, 11 ta’ Novembru. It-Tlieta, 6 ta’ Novembru, ikun hemm iċ-ċerimonja tal-ftuħ billi jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Terramaxka (kotba għat-tfal).

Hawnhekk għandkom togħma tal-attivitajiet li se jsiru, fejn u xħin tistgħu iżżuruhom (niżżlu l-programm sħiħ tal-attivitajiet minn hawnhekk).

Kuljum fost il-ġimgħa waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun hemm programm immirat għall-istudenti, b’varjetà t’attivitajiet fosthom performances addattati skont l-età tal-istudenti, u mnebbħa minn kotba rebbieħa tal-Premjiu Terrramaxka tas-sena l-oħra.

Bħal dejjem, l-avveniment ewlieni mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-konferenza l-Erbgħa 7 ta’ Novembru, li dis-sena se tiffoka fuq il-letteratura tad-dijaspora bil-parteċipazzjoni ta’ erba’ mistiedna internazzjonali u lokali li lkoll esperjenzaw x’jiġifieri tgħix ’il bogħod minn pajjiżek imma xorta tikteb dwaru. l-ġurnalist u kittieb Teodor Reljić se jkun qed imixxi diskussjoni dwar id-diversi implikazzjonijiet ta’ kif ir-realtà tal-ispostament hi riflessa fil-letteratura. Il-mistiedna huma Lou Drofenik (Malta), Nikola Petković (il-Kroazja), Vera Duarte (Cabo Verde) u Philip Ò Ceallaigh (l-Irlanda).

Kull nofs siegħa filgħodu, u tul il-ħamest ijiem kollha tal-Festival, se jkun hemm attivitajiet varji. Fl-Istand ta’ Milan Haluska t-tfal għandhom iċ-ċans jiskopru l-letteratura Ċeka u Slovakka, famuża mad-dinja kollha. Imbagħad mal-Birdlife se jaraw kif in-natura tista’ tispira l-kreattivitià billi jpoġġu wara xulxin stampi biex jiffurmaw storja u jirrakkuntawha. Aktar tard waranofsinhar il-kittieba Clare Azzopardi se tmexxi sessjoni ta’ qari mill-ktieb tagħha ‘Is-Sħaħar ta’ Petut’ għal tfal li jattendu ċ-Ċentru Leap. Ideat għar-riċiklaġġ? L-Istand tal-Malta Libraries se jkun hemm sessjonijiet ta’ crafts ispirati mill-kotba, mill-karti u mit-tipa sabiex it-tfal jitgħallmu aktar dwar il-kotba u modi kreattivi ta’ kif jirriċiklaw il-karti. L-Ambaxxata Franċiża se jkollha sehemha wkoll f’din l-ewwel ġurnata tal-Festival. Fl-istand tagħha se jkun hemm taħdita dwar il-micro-publishing u l-iżvilupp tiegħu fin-Normandija, b’enfasi fuq il-kwistjoni tad-distribuzzjoni. Jitnieda wkoll il-ktieb ‘Problem of the associative micro-edition: local anchoring in Normandy’.

Fit-tieni jum tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jibda jippreżenta l-mistiedna internazzjonali ta’ din l-edizzjoni f’avvenimenti individwali. Fil-5.30pm l-awtur Kroat Nikola Petković se jkun intervistat mill-ġurnalist Teodor Reljić dwar ix-xogħol tiegħu bħala kittieb, kritiku letterarju, traduttur, xeneġġjatur u skular, u jiffoka primarjament fuq l-aħħar rumanz tiegħu ‘How to Tie your Shoes’. Imbagħad imiss lil Vera Duarte, il-Capo Verdjana li siegħa wara tiddiskuti r-rumanz tagħha ‘A Matriarca’, kif ukoll il-poeżija tagħha ma’ Prof. Teresa Andrade.

Il-Ħamis 8 ta’ Novembru hu wkoll festa ta’ poeżija, bl-attivitajiet ewlenin tal-KNK jiċċelebraw poeti Maltin, kif ukoll il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Mons. Amante Buontempo fejn se jitħabbru r-rebbieħa. Wara dan l-avveniment, Maria Grech Ganado u Gioele Galea, li ppubblikaw riċentament, se jaqraw siltiet minn xogħolhom.

Bħalma jiġri kull sena, aktar tard fit-8pm il-KNK u l-Horizons se jippreżentaw avveniment li fit se jiġi onorat ir-rebbieħ tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba tal-2017, Victor Fenech.

Imma anki t-tfal se jiġu ppremjati, waqt l-avveniment ‘Promoturi tal-Qari’, imtella’ bejn il-KNK u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru se jkun ippakkjat attivitajiet. Bla dubju wieħed m’għandux jitlef l-avveniment imtella’ mill-KNK, bil-mistiedna Naomi Klein, awtriċi u attivista magħrufa mad-dinja kollha b’kotba li kisru rekords ta’ bejgħ internazzjonalment. Naomi Klein se tkun qed titkellem mal-ġurnalist Matthew Vella dwar theddid eżistenzjali, bħaż-żieda fis-sħana globali, il-politiki neoliberali, u l-ekonomiji tad-diżastru.

Filgħodu, fil-11am, hemm seminar tat-traduzzjoni bejn ir-rumanzier, kittieb tal-esejs u traduttur Brittaniku Tim Parks u studenti tat-traduzzjoni u l-Ingliż flimkien mal-pubbliku ġenerali. Waranofsinhar il-KNK se jippreżenta lill-kittieb Michael Amherst, li hu l-awtur ta’ ‘Go Where your Blood Beats’, f’attività mtellgħa mal-MGRM (l-attivista internazzjonali u r-riċerkatriċi Ruth Baldacchino se tintervista lil Amherst). Il-kittieb u traduttur Irlandiż Philip Ò Ceallaigh se jkun qed jiddiskuti l-karriera tiegħu ma’ Maria Frendo (Università ta’ Malta), kemm bħala kittieb kif ukoll bħala traduttur ’il bogħod minn art pajjiżu.

Fis-7.30pm id-DANUSAN jiddebuttaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bix-show tagħhom. Id-duo komiku se jkun qed juri l-importanza tal-qari u l-kotba bil-mod uniku tagħhom, u x-show miftuħ għall-familja kollha. Tajjeb jingħad li wieħed irid jibbukkja l-biljetti minn qabel minn fuq showshappening.com

Il-bqija tal-ġurnata tinkludi sessjonijiet ta’ qari, rakkuntar ta’ stejjer u attivitajiet għat-tfal, u aktar tard filgħaxija jkun hemm sessjonijiet ta’ ffirmar ta’ kotba u tnedijiet f’bosta stands, fosthom f’dawk ta’ Faraxa u Merlin Publishers.

Is-Sibt hija l-aktar ġurnata ppakkjata, b’aktar minn tletin attività. Dawk ewlenin huma l-intervista li se jagħmel Prof. Ivan Callus mar-rumanzier Tim Parks, avveniment li se jiddiskuti dak li ħalliet warajha l-ġurnalista u blogger Daphne Caruna Galizia kif ukoll il-kontroversji li ksew lil ħajitha, u l-premiere tal-film qasir ‘Camilla’, rebbieħ tal-Konkors Letterarju tal-KNK għall-Films Qosra.

Attivitajiet oħra matul il-jum huma gruppi ta’ ħidma għat-tfal, sessjoni ta’ ‘Aqra Miegħi’ bl-Ingliż għal trabi sa’ 3 snin, qari animat bil-Malti minn Dianne Giordimanina għal tfal tal-istess età fl-Istand tal-Malta Libraries, u attivitajiet oħra organizzati mill-eżebituri, fosthom Merlin Publishers u l-Għaqda tal-Malti – Università.

Il-Ħadd hija l-aħħar ġurnata tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, b’għażla ta’ attivitajiet interessanti mtella’ mill-KNK, kif ukoll attivitajiet minn eżebituri varji. Pariah Press se jerġgħu jqajmu l-argument kontroversjali li kien qajjem Anthony Burgess waqt lekċer fl-Università ta’ Malta fl-1970. Huma se jniedu edizzjoni ġdida ta’ ‘L-Oxxenità fl-Arti’.

L-avveniment ‘X’nambuhom lill-awturi?’ se jinkludi diskussjoni mmexxija minn Mark Vella bejn Wayne Flask, Alex Vella Gera, Arnold Cassola u Emanuel Psaila. Fiha se nħarsu lejn l-istorja letterarja f’Malta f’rabta mar-relevanza politika tal-awturi u kif din inbidlet tul iż-żmien. Il-KNK iddeċieda li jagħlaq il-Festival b’Lou Drofenik, rumanziera Maltija-Awstraljana, li s-sena l-oħra rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bir-rumanz ‘The Confectioner’s Daughter’. Drofenik se titkellem dwar il-kotba ġodda tagħha, fosthom ‘Love at the Time of the Inquisition’, li jinsab fost il-finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018, u ‘The Reluctant Healer’. L-avveniment se jittella’ b’ħidma ma’ Horizons.

Il-pubbliku jista’ jattendi l-Festival Nazionali tal-Ktieb mingħajr inkwiet ta’ xejn: se jkun ipprovdut trasport b’xejn is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta’ Novembru l-ġurnata kollha bejn l-istejġ tal-linja jisimha Publiju, qrib il-Monument tal-Indipendenza l-Furjana, u Dar il-Mediterran. Il-vjaġġi se jsiru kull siegħa, u l-ewwel wieħed ikun mill-Furjana fid-9:15am is-Sibt u fit-8:15am il-Ħadd. L-aħħar vjaġġ minn Dar il-Mediterran jitlaq fl-22:30pm is-Sibt u fid-21:30 il-Ħadd.

Dis-sena l-Festival se jsir Dar il-Mediterran Bein l-Erbgħa 7 u l-Ħadd 11 ta’ Novembru. Il-programm tal-attivitajiet diġà tqassam fid-djar kollha ta’ Malta u Għawdex. Tista’ tniżżel kopja diġitali minn https://ktieb.org.mt/mt/festival-nazzjonali-tal-ktieb/. Kun af aktar drar il-Festival mill-paġna tal-Facebook https://www.facebook.com/events/2161321014103325/.


Share Article