Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ta donazzjoni konsiderevoli ta’ kotba finalisti tal-Premju Terramaxka lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati f’Malta (il-UNHCR Malta).

L-għotja saret bi sħab ma’ Malta Libraries, li taw kotba għat-tfal u l-adolexxenti bl-Ingliż. Il-kotba mogħtija mill-KNK kienu l-finalisti kollha tal-Premju Terramaxka ta’ dis-sena u xi wħud mis-snin ta’ qabel. Il-biċċa l-kbira tal-kotba kienu bil-Malti u se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità tar-refujati f’Malta.

Id-donazzjoni seħħet fil-Librerija Pubblika Ċentrali l-Furjana fil-preżenza tal-Medjatur Kulturali tal-UNHCR f’Malta, Asma Labidi mat-tim tagħha u rappreżentanti ta’ Malta Libraries.

L-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati f’Malta fetaħ fl-2005 u jifforma parti mill-uffiċċju reġjonali ta’ Ruma. L-ewwel sfidi tal-uffiċċju kienu li jilqa’ l-influss għoli ta’ persuni mil-Libja fi triqithom lejn l-Ewropa. Il-UNHCR taħdem mill-qrib mal-Gvern Malti, imsieħba soċjali u għadd ta’ organizzazzjonijiet u għaqdiet mhux governattivi lokali mhux biss biex jinstabu soluzzjonijiet fit-tul għar-refuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni f’Malta, imma wkoll biex titkellem favur aċċess aħjar għall-protezzjoni u l-kundizzjonijiet tal-ażil f’Malta; għal sistema ta’ ażil li tkun sensittiva għall-protezzjoni u l-politika relevanti; għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba governattivi u l-aġenziji; u biex tkabbar il-kuxjenza ġenerali dwar l-isfidi tal-ażil f’Malta.

Il-KNK jawgura lill-ħaddiema kollha tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati f’Malta, u jispera li b’din il-kontribuzzjoni żgħira l-komunità tar-refuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni f’Malta jħossuhom aktar siguri u milqugħa.


Share Article