Il-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb f’Abu Dhabi issa saret avveniment annwali għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), li jieħu l-opportunità biex jippromwovi l-letteratura Maltija fit-traduzzjoni f’waħda mill-akbar fieri tal-kotba fir-reġjun Għarbi.

Dil-fiera sservi wkoll biex il-Kunsill isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-Literature Across Frontiers (LAF), li kull sena jistednuna naqsmu l-istand tagħhom magħhom. L-LAF hija Pjattaforma Ewropea għall-Iskambju Letterarju, it-Traduzzjoni u d-Dibattiti dwar il-Politiki, u t-tiri tagħha huma li jinħoloq djalogu bejn il-kulturi bis-saħħa tal-letteratura kif ukoll tintefa’ l-attenzjoni fuq letteraturi li ma ġewx tradotti daqs oħrajn. Il-KNK għandu għal qalbu dir-relazzjoni u l-interessi komuni bejn iż-żewġ partijiet fil-promozzjoni ta’ letteraturi iżgħar bis-saħħa tat-traduzzjoni.

Fuq l-istand waqt il-fiera ġew eżebiti kotba ppubblikati Malta bil-Malti u bl-Ingliż, kif ukoll numru konsiderevoli ta’ kotba tradotti li bosta minnhom ġew fis-seħħ bil-għajnuna tal-KNK.

Rappreżentant mill-Kunsill saħħaħ ir-relazzjoni eżistenti ma’ msieħba relevanti, bħal pubblikaturi u awturi, u fl-istess ħin iltaqa’ ma’ pubblikaturi ġodda biex jiddiskuti proġetti prospettivi, żar stands tal-eżebituri u attenda diskussjonijiet u tnedijiet ta’ kotba ta’ wħud mill-aqwa kittieba fid-dinja, ngħidu aħna t-tnedija ta’ ktieb ġdid ta’ Ben Okri, rebbieħ tal-Man Booker Prize.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħerqan għal aktar ħidma f’edizzjonijiet sussegwenti tal-ADIBF.


Share Article