Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir kbir jippreżenta wieħed mill-mistednin l-iktar magħrufa tal-Festival tal-Ktieb fis-Sajf – l-awtur u poeta rebbieħ tal-Premju għal-Letteratura tal-Unjoni Ewropeja, Immanuel Mifsud, li se jkunu qed jaqra poeżiji minn tiegħu li għadhom ma ġewx ippubblikati nhar is-Sibt 15 Lulju, 15:30.

Meqjus minn ħafna bħala figura ewlenija fir-rivoluzzjoni letterarja li tat xejra ġdida lill-letteratura Maltija kontemporanja, Mifsud beda jikteb ta’ sittax-il sena. Kiteb bosta poeżiji u scripts għal gruppi teatrali sperimentali u, eventwalment, kellu rwol attiv ħafna fix-xena lokali tat-teatru. Id-dramm Pupi, miktub u dirett minnu fl-1991, deher fl-aħbarijiet meta r-rendiment tiegħu matul protesta politika mill-Alternattiva Demokratika ġie mwaqqaf mill-pulizija. Fl-1996, Mifsud waqqaf Teatru Marta Kwitt, grupp ta’ riċerka fit-teatru. Il-grupp tella’ Ilma, li kellha l-premier tagħha fl-Edinburgh Fringe Festival f’Awissu 1999 u eventwalment ġiet imtella’ mill-ġdid mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Arti sabiex tniedi l-festi uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju f’Malta.

Mifsud ippubblika għadd mhux ħażen ta’ kollezzjonijiet ta’ stejjer qosra, kotba ta’ poeżija u kotba għat-tfal. Qaleb għall-Malti u ppubblika tliet volumi ta’ ħrejjef minn pajjiżi Ewropej differenti. Fl-2002 il-ktieb tiegħu L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Tnax-il sena wara, fl-2014, għal darb’oħra rebaħ il-Premju Ktieb Nazzjonali, din id-darba għall-poeżija, bil-ġabra ta’ poeżiji Penelopi Tistenna.

Mifsud kien l-ewwel kittieb Malti li rebaħ il-Premju għal-Letteratura tal-Unjoni Ewropeja bil-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), li ġie maqlub u ppubblikat bir-Rumen mill-pubblikaturi Polirom fl-2014 u ġie ppubblikat mill-ġdid bil-Maċedonjan mill-pubblikaturi Goten, kif ukoll bil-Franċiż minn Gallimard. Fl-2015 rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb b’Jutta Heim – rumanz dwar persuna li tgħib f’Berlin fit-tmeninijiet, dwar l-imħabba idejali u r-riperkussjonijiet li jġarrab raġel qed jixjieħ, li għex u għadu jemmen li xi darba kien iħobb. Ir-rakkont jimxi ‘l quddiem u lura fil-ħin, fil-passi tal-ħsibijiet bla kwiet tal-protagonist.

Għall-attività  tal-15 ta’ Lulju, Mifsud se jkun qed jaqra poeżiji mhux ippubblikati f’ambjent informali li jagħti l-opportunità lil dawk li jżuru l-Festival li jiltaqgħu mal-poeta nnifsu.

 


Share Article