X’inhu ISBN?

In-Numru Internazzjonali Standard tal-Ktieb (ISBN) huwa numru ta’ 13-il ċifra li jidentifika b’mod uniku kotba u prodotti li jixbħu kotba ppubblikati internazzjonalment. L-ISBN huwa essenzjalment numru li bih il-pubblikatur, il-bejjiegħ tal-kotba, il-librar, l-bejjiegħ ta’ kotba mill-internet u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-kotba jistgħu jagħrfu l-ktieb partikolari għal skopijiet ta’ bejgħ, listi u rekords. In-numru jispeċifika r-reġistrant kif ukoll it-titlu, l-edizzjoni u l-format tal-istess ktieb. Sa l-aħħar ta’ Diċembru 2006, ISBNs kienu jiġu maħduma fuq 10 numri, iżda mill-1 ta’ Jannar 2007 l’hawn in-numru beda jinħareġ bi 13.  L-ISBNs jiġu kkalkulati b’formola matematika speċifika u jinkludu ċifra ta’ kontroll biex jivvalida n-numru.


Applika għal ISBN f’Malta

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aġenzija uffiċjali għall-ħruġ tal-ISBN (Standard Internazzjonali tan-Numri tal-Kotba) f’Malta skont l-istandards u l-obbligi internazzjonali. Il-pubblikazzjonijiet kollha bl-ISBN maħruġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huma elenkati fuq l-ISBN Book Database Malta.

Il-Pubbikatur, bħala organizazzjoni, kumpanija jew individwu responsabbli li jagħti bidu għall-produzzjoni tal-pubblikazzjoni, jista’ jitlob  ISBN permezz tal-formola online hawn taħt għall-pubblikazzjoni/jiet tagħhom. L-applikanti huma spiss pubblikaturi kummerċjali, iżda jistgħu jkunu wkoll entitajiet oħra, kif ukoll l-awtur tal-ktieb jekk l-awtur ikun għażel li jippubblika għal rasu.

ISBN jista’ jinħareġ biss meta l-klijent jipprovdi lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bid-dettalji tal-publikazzjoni li għaliha se jintuża n-numru.  Klijenti jistgħu japplikaw għal ISBN 1 sa 5 kull darba u jipprovdu d-dettalji mitluba. Din il-proċedura tiggarantixxi li n-numri li jinħarġu jkollhom sekwenza.


Formola tal-Applikazzjoni tal-ISBN

Applika billi timla l-Formola tal-ISBN online.

Mill-1 ta’ Jannar 2020 l-ISBNs u l-ISMNs maħruġa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb saru bla ħlas.
Għall-aktar informazzjoni dwar l-ISBN, aqra l-Manwal għall-Utenti tal-ISBN.

Mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu bl-email fuq: michael.mercieca@gov.mt