Illum l-14 ta’ Settembru ittella’ l-ewwel Kungress Nazzjonali tal-Kittieba f’Malta, fuq inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK). Dan kien mument storiku fejn għall-ewwel darba l-kittieba Maltin iltaqgħu bejniethom biex b’mod kollettiv jirrikonoxxu d-drittijiet ekonomiċi tagħhom. B’kollox attendew ‘il fuq minn 65 awtur.

L-għan ewlieni ta’ dan il-Kungress kien il-preżentazzjoni taż-żewġ mozzjonijiet li ressaq il-KNK u li fuqhom ittieħed vot:

  1. Id-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba
  2. Tiġdid tal-Liġi Sussidjarja għall-Att tal-Parlament

L-ewwel mozzjoni tfasslet wara serje ta’ laqgħat mal-awturi li l-KNK kellu tul dawn l-aħħar xhur u tirrigwarda d-dħul finanzjarju tal-kittieba. Il-mozzjoni dwar Abbozz ta’ Drittijiet Ekonomiiċi tal-Kittieba tirrikonoxxi d-dritt li l-awturi jitħallsu tax-xogħol tagħhom, u sservi ta’ gwida ċara lill-Gvern fil-poltiika tiegħu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE 2019/790 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet relatati mas-Suq Uniku Diġitali.

Punt prevalenti li tqajjem mill-kittieba rigward l-ewwel mozzjoni kien l-eċezzjoni għall-ħlas tar-royalties fuq kotba tal-poeżija. Il-Kungress qabel dwar emenda li l-eċezzjoni dwar il-kotba tal-poeżiji titneħħa. Dil-mozzjoni ġiet approvata minn total ta’ 141 kittieb b’mod unanimu, li jinkludu l-approvazzjoni bil-kitba ta’ 75 awtur li ma setgħux jattendu.

It-tieni mozzjoni tiddikjara li il-Leġislazzjoni Sussidjarja 327.580 għat-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb tiġi mġedda f’Att tal-Parlament sabiex tissaħħaħ l-awtonomija tiegħu. Il-mozzjoni ġiet approvata b’mod unanimu mill-kittieba preżenti.

Kelliema ewlenin ikkumentaw dwar il-mozzjonijiet u saħqu fuq l-importanza ta’ avveniment bħal Kungress li laqqa’ lill-biċċa l-kbira tal-awturi taħt saqaf wieħed. Fid-diskors tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill enfasizza li t-tisħiħ ekonomiku tal-awtur u t-tkabbir tal-industrija tal-kotba jikkontribwixxu  għar-rinaxximent tal-letteratura lokali u l-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà, u għalhekk it-tisħiħ ekonomiku tal-industrija tal-kotba huwa wkoll ta’ importanza nazzjonali.

Finalment, flimkien mal-bqija tal-awturi, l-KNK iddiskuta t-triq ’il quddiem u l-passi li għandhom jittieħdu għall-ġid tagħhom u tal-industrija fosthom l-introduzzjoni ta’ inċentivi fiskali fl-industrija.


Share Article