Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ifakkar lill-pubbliku li d-data ta’ skadenza għas-sottomissjonijiet għall-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ hija s-7 ta’ Settembru 2018. Il-konkors, imtella’ kull sena mill-Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-KNK, huwa miftuħ għal kittieba ta’ kull età. Ix-xogħlijiet ippreżentati għandhom ikunu oriġinali, miktuba bil-Malti u bejn 20,000 u 25,000 kelma. Manuskritti li ġew ippubblikati qabel mhumiex eliġibbli.

Ir-rebbieħa jiġu ppremjati bi trofew, ċertifikat u somma ta’ elf euro. Għotja ta’ pubblikazzjoni tingħata lir-rebbieħa bil-għan li dawn ifittxu u jilħqu ftehim ta’ pubblikazzjoni għall-manuskritt tagħhom ma’ pubblikatur lokali.

Il-konkors jintrebaħ minn manuskritti li, mingħajr ma jadottaw pożizzjoni didattika, jolqtu temi li huma rilevanti ħafna għar-realtajiet soċjali u psikoloġiċi li ż-żgħażagħ iridu jiffaċċjaw f’dan l-istadju ta’ ħajjithom. l-iżvillup  tal-istruttura narrattiva u l-lingwaġġ jiġu evalwati skont kriterji ta’ oriġinalità, kreattività u attenzjoni għall-kuntest.  .

L-għan ewlieni tal-konkors huwa li jżid il-presenza ta’ letteratura ta’ kwalità għall-adulti żgħażagħ fis-suq lokali. Il-kompetizzjoni tista’ sservi ukoll biex tgħolli l-profil ta’ awturi fix-xena letterarja lokali. Fost ir-rebbieħa preċedenti tal-konkors nsibu awturi lokali magħrufa bħal Leanne Ellul, Rita Saliba, Roberta Bajada, Stephen Lughermo, Simon Bartolo u Antoinette Borg.

Għal aktar informazzjoni dwar il-konkors u l-proċess ta’ applikazzjoni, segwi din il-ħolqa.


Share Article