Il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ huwa konkors organizzat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-għan tal-konkors huwa li jintgħażlu, jiġu ppremjati u ppubblikati rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ adolexxenti; rumanzi li jesploraw id-dinja tal-adolexxenti tal-lum, b’dak kollu li din il-fażi tal-ħajja ġġib magħha. B’hekk l-organizzaturi jixtiequ li bil-mod il-mod fis-suq ikomplu jiżdiedu aktar kotba f’dan il-ġeneru u l-adolexxenti jsibu qari bil-Malti li jinteressahom u jimmotivahom. Permezz ta’ dan il-konkors, l-organizzaturi jaspiraw li l-manuskritti sottomessi jkunu tal-ogħla livell letterarju.

L-organizzaturi jaspiraw ukoll li jippromovu letteratura ta’ livell għoli billi jippremjaw testi ta’ kontenut letterarju għoli. Barra minn hekk ikun hemm inċentiv għall-awturi biex jissottomettu rumanzi oriġinali u innovattivi b’kontentut mhux didattiku u li ma jaljenax liż-żgħażagħ b’attidudni moralistika. B’hekk l-adoloxxenti jibdew igawdu wkoll minn letteratura miktuba speċifikament għall-etajiet u ż-żminijiet tagħhom – rumanzi li jħeġġuhom jaqraw aktar u aħjar.

L-applikazzjonijiet għall-edizzjoni tal-2020 fetħu u kull min hu interessat għandu jissottometti test oriġinali ta’ bejn 20,000 u 25,000 kelma, immirat lejn żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena. L-applikanti jistgħu jkunu individwi jew gruppi ta’ individwi u l-manuskritti jridu jiġu sottomessi taħt psewdonimu. L-applikanti kollha irid ikollhom mill-inqas 20 sena.

Minbarra t-test, l-applikanti għandhom ukoll jipprovdu formola ta’ applikazzjoni bil-firma oriġinali tal-awtur, fotokopja tal-karta tal-identità tagħhom u sinopsi tal-istorja ta’ mill-inqas 500 kelma. Erba’ kopji kemm tal-manuskritt kif ukoll tas-sinopsi, għandhom jiġu sottomessi taħt psewdonimu, flimkien mad-dokumenti l-oħra.

Awturi li huma interessati f’dan il-konkors għandhom jaqraw l-linji gwida li jirregolaw il-parteċipazzjoni billi jżuru is-sit www.agenzijazghazagh.gov.mt, iniżżluhom minn hawnhekk jew jibagħtu imejl fuq l-indirizz elettroniku agenzija.zghazagh@gov.mt

Niżżel l-applikazzjoni minn hawn.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jaħtar tliet aġġudikaturi li jagħżlu l-manuskritti rebbieħa skont sett ta’ kriterji. Jeżistu erba’ kriterji: żvilupp tal-istorja u l-karattri, oriġinalità, lingwa u kwalità. Ir-rebbieħ jitħabbar fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar 2021 u jingħata trofew u ċertifikat ta’ tifkira kif ukoll somma ta’ €1,000. Imbagħad jiġi mistoqsi biex jiffirma kuntratt li fih jingħata fondi (€2,000) biex jippubblika x-xogħol ma’ pubblikatur lokali tal-għażla tiegħu.

Il-manusktritti oriġinali flimkien mal-formola tal-applikazzjoni uffiċċjali għall-konkors ta’ din is-sena  jridu jaslu għand l-Aġenzija Żgħażagħ sa nofsinhar tas-7 ta’ Settembru 2020.

 


Share Article