Il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ miftuħ għas-sottomissjonijet bejn it-23 ta’ Jannar u t-2 ta’ Settembru 2024 f’nofsinhar

Il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ huwa konkors organizzat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

L-għan tal-konkors huwa li jintgħażlu, jiġu ppremjati u ppubblikati rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena li jesploraw id-dinja tagħhom tal-lum, b’dak kollu li din il-fażi tal-ħajja ġġib magħha.

B’hekk l-organizzaturi jittamaw li jiżdiedu aktar kotba f’dan il-ġeneru u ż-żgħażagħ jsibu qari bil-Malti li jinteressahom u jimmotivahom. Permezz ta’ dan il-konkors, l-organizzaturi jaspiraw li l-manuskritti sottomessi jkunu tal-ogħla livell letterarju.

Fuq kollox, l-organizzaturi jaspiraw ukoll li jippromovu letteratura ta’ livell għoli billi jippremjaw testi ta’ kontenut letterarju għoli. Barra minn hekk ikun hemm inċentiv għall-awturi biex jissottomettu rumanzi oriġinali u innovattivi b’kontentut mhux didattiku u li ma jaljenax liż-żgħażagħ b’attidudni moralistika.

B’hekk iż-żgħażagħ jibdew igawdu wkoll minn letteratura miktuba speċifikament għall-etajiet u ż-żminijiet tagħhom – rumanzi li jħeġġuhom jaqraw aktar u aħjar.

Il-konkors jiġi ġġudikat b’mod anonimu minn tliet ġudikaturi maħtura mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jagħżlu l-manuskritt rebbieħ skont damma ta’ erba’ kriterji stabbiliti: l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa u l-kwalità.

Min Jista’ Japplika?

L-applikanti eliġibbli jistgħu jkunu individwi jew gruppi ta’ individwi ta’ mill-inqas 20 sena.

Biex l-applikazzjoni titqies eliġibbli, il-manuskritt oriġinali sottomess m’għandu jkun ġie ppubblikat qatt qabel kemm b’mod sħiħ u anki parzjalment.

L-applikanti mħeġġa jaqraw il-linji gwida bir-reqqa qabel ma japplikaw.

Premji

L-awtur tal-manuskritt rebbieħ jirċievi:

– Trofew u ċertifikat kommemorattiv

– Premju ta’ €1,000

– Fondi għall-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ pubblikatur lokali tal-għażla tal-awtur

Kif Tipparteċipa

L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu 3 kopji mitbugħa ta’ manuskritt oriġinali bil-Malti ta’ bejn 20,000 u 25,000 kelma ffirmati biss minn psewdonimu, formola tal-applikazzjoni ffirmata, kopja tal-ID, u sinopsi ta’ massimu ta’ 500 kelma.