Kummenti huma off għal din il-kariga

Alex Vella Gera u Loranne Vella f’Librebook-Bruxelles

Fis-17 ta’ Marzu, f’ħanut tal-kotba li huwa ukoll ċentru kulturali u letterarju, Librebook – Bruxelles, żewġ kittieba magħrufa ser jieħdu sehem f’attività li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħejja f’ġieħ il-presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropeja. L-attività tibda’ fis-6 ta’ filgħaxija b’Loranne Vella li ser taqra siltiet minn l-aħħar xogħol tagħha, Rokit. Rokit ser ikun ippublikat ġimgħa qabel l-attività, fl-10 ta’ Marzu.  Loranne ser taqra ukoll siltiet minn traduzzjoni Ingliża ta’ wieħed mix-xogħolijiet tagħha, These Four Rooms of Mine. Fl-2016 Loranne rebħet il-Premju Terramaxka għat-traduzzjoni ta’ ‘Violeta’ ta’ Abril Calero (Vjoletta, Merlin Publishers, 2015).

 

Wara Loranne ser jidher Alex Vella Gera li ser jaqra siltiet minn Trojan (Klabb Kotba Maltin, 2015), ir-rumanz li rebbaħlu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016. Trojan għandu fil-qofol tiegħu il-viżjoni partikolari tal-protagonist, Ġanni Muscat, viżjoni li tara s-soċjetà  moderna bħala soċjetà materjalista u profondament żbaljata. Frażi waħda tiġbor ir-realtà u l-kundizzjoni tad-dinja għal Ġanni – ‘id-dinja spiċċat.’ Alex ser ikun qed jaqra ukoll siltiet b’Ingliż mir-rumanz tiegħu Antipodi.

1vella1vella