Kummenti huma off għal din il-kariga

Alfred Sant: Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba 2019

Dr. Alfred Sant huwa r-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba, premju prestiġġjuż li jirrikonoxxi karriera ta’ ħidma letterarja u xogħol fil-qasam tal-kotba. Il-Premju ġie deċiż li jmur għand Sant għall-irwol li kellu fl-arrikkiment tal-letteratura u s-soċjetà Maltija, u jiċċelebra ħajja ta’ ħidma tul il-ħajja, mhux biss f’termini ta’ xogħol letterarju, iżda wkoll għall-kontribut fil-qasam tal-istudju letterarju, fl-edukazzjoni ta’ komunitajiet lokali u għat-trawwim tal-kultura letterarja lokali. Ftit oħra jugwaljaw il-kontribuzzjoni ta’ Sant għal-letteratura u l-politika, mifhumin hawnhekk bħala attivitajiet minsuġa flimkien.

F’karriera letterarja twila u distinta, Sant kiteb lista twila ta’ pubblikazzjonijiet fosthom rumanzi, novelli u drammi, kif ukoll kitbiet ta’ natura akkademika, soċjali, politika u awtobijografika. Dawn ix-xogħlijiet rebbħuh il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet f’kategoriji differenti.

Sant twieled fl-1948 u ggradwa b’Baċellerat u Maġisteru fil-Fiżika mill-Università ta’ Malta fl-1968. Studja l-Amministrazzjoni Pubblika u d-Diplomazija fl-Institut International d’Administration Publique (I.I.A.P.) f’Pariġi. Bejn l-1970 u l-1975 ħadem bħala Second Secretary u First Secretary u speċjalizza fl-affarijiet Ewropej u fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, u fil-Missjoni ta’ Malta mal-Komunità Ekonomika Ewropea fi Brussel. Ħalla s-servizz diplomatiku biex jaqra għall-Maġisteru fl-Amministrazzjoni tan-Negozju mill-Università ta’ Boston fl-1976 u Dottorat fl-istess suġġett mill-Harvard Business School fl-1979.

L-ewwel xogħol letterarju ta’ Sant, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968), kitbu meta kellu 19-il sena u llum huwa meqjus bħala ktieb importanti tal-perjodu letterarju modern f’Malta li jimmarka t-twelid tar-rumanz kontemporanju Malti. La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001) kien rumanz seminali ieħor mill-pinna ta’ Sant. Ir-rumanz epiku jirrakkonta l-vjaġġi tal-Kavallier Del Rio fl-Ewropa u fil-Lvant Imbiegħed qabel ma jiġi Malta biex ifittex komunità ta’ eremiti jgħixu fl-għerien f’Ħal Miskat, li tkun qed issofri l-inġustizzji ta’ soċjetà intolleranti. Ir-rumanz ġie deskritt miIl-poeta Mario Azzopardi bħala “volum penetranti u viċin l-intuwizzjoni taċ-ċiviltà nazzjonali skont l-onestà tal-impenn ta’ awtur serju”, u ssuġġerixxa li għandu jkun fil-librerija ta’ kull min hu interessat f’letteratura Maltija serja bħala dokument storiku u kulturali li jiffoka fuq l-implikazzjonijiet soċjopolitiċi li ċ-ċittadin ikollu jħabbat wiċċu magħhom.

Il-karriera prolifika ta’ Sant bħala rumanzier imxiet biswit oħra ta’ drammaturgu. F’ L-Istudji Kritiċi Miġbura: L-Ewwel Volum, Oliver Friggieri jinkwadra lil Sant fl-isfera ta’ drammaturgi Maltin li mhux biss fetħu toroq ġodda fuq il-kitba bil-Malti, iżda aktar importanti qabżu l-limiti dojoq tal-letteratura tal-preġudizzji, internazzjonalizzaw it-temi trattati u daħlu direttament fl-arena politika tali mod li affettwaw ukoll l-istrutturi politiċi u kulturali tal-pajjiż. Qabel Tiftaħ l-Inkjesta u Drammi Oħra ġie ripubblikat fl-2015 u fih wieħed mill-aktar drammi politiċi mir-repertorju tiegħu.

Sant serva bħala editur tar-rivista provokattiva Ferment fis-snin sittin, tal-magazine ta’ kull xahar Tomorrow (1982-1984), tal-magazine Society (1989-1992), u kien editur parteċipanti fir-rivista letterarja bil-Malti ta’ kull tlitt xhur NEO (1989-1991). Bejn l-1978 u l-1992, Sant kien il-korrispondent minn Malta għall-Economist Intelligence Unit, u bejn l-1986 u l-1992 korrispondent għal The European Review. Barra milli kkontribwixxa bi studji u artikli għal numru ta’ pubblikazzjonijiet, kien regolarment jikteb artiklu ta’ kull ġimgħa fil-Malta News (1979-1988), f’ It-Torċa (1983-1988, 1996-2008), fit-Times of Malta (1999-2008) u preżentament f’The Malta Independent.

Beda jinvolvi ruħu fil-politika fl-1982, l-ewwel bħala Kap tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Partit Laburista, u daħal fil-Parlament ta’ Malta fl-1987 meta ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista (1992-2008) u Kap tal-Oppożizzjoni. Bejn l-1996 u l-1998 serva bħala Prim Ministru ta’ Malta u ġie elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet tal-2014 u l-2019.

Il-ħajja u l-kitba ta’ Dr. Alfred Sant se jiġu ċċelebrati b’avveniment imħejji apposta waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li matulu l-pubbliku se jkollu ċ-ċans isir jaf lir-rebbieħ ta’ dal-premju prestiġġjuż aktar mill-qrib.

Pubblikazzjonijiet

Rumanzi

L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968, 1996, 2018)

Bejgħ u Xiri (1981, 1999)

Silġ fuq Kemmuna (1982, 2005)

La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001, 2014)

L-Għalqa tal-Iskarjota (2009)

The Iscariot Field (2011)

Bħal f’Dizzjunarju (2011)

George Bush f’Malta (2013)

Novelli

Kwart ta’ Mija (1995)

Pupu fil-Baħar – Rakkonti u Divertimenti (2009)

Ċpar – Aktar Rakkonti u Divertimenti (2013)

Western – Bejn Rakkonti u Divertimenti (2016)

Drammi

Min Hu Evelyn Costa? – u drammi oħra (1979, 1982, 1993)

Fid-Dell tal-Katidral u drammi oħra (1994)

Qabel Tiftaħ l-Inkjesta u drammi oħra (1999, 2015)

Balzunetta Towers (2017)

Xogħlijiet oħra

L-Impenn għall-Bidla (1986)

It-28 ta’ April – Il-Ħobż u l-Ħelsien (1988)

Malta’s European Challenge (1995)

Confessions of a European Maltese (2003)

Is-Soċjaliżmu fi Żminijietna (2004)

Malta u l-Ewro / & the Euro (2012)

Perspettivi / Perspectives (2012)

Malta u l-Ewro / & the Euro – 2 (2015)

Malta u l-Ewro / & the Euro – 3 (2017)