Kummenti huma off għal din il-kariga

Donazzjoni ta’ Kotba lil Malta Libraries

 

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għamel donazzjoni oħra ta’ kotba lil Malta Libraries. Il-parti l-kbira tad-donazzjoni hija magħmula minn letteratura ta’ finzjoni għal qarrejja adulti, kotba tal-arti u Melitensia. Id-donazzjoni saret mill-maniġer tal-Kunsill tal-Ktieb, is-Sur John Grech, fl-uffiċji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Ms. Cheryl Falzon.

Donazzjoni oħra ta’ kotba, li tinkludi wkoll għażla kbira ta’ letteratura klassika Franċiża u kotba ta’ tagħlim bil-lingwa Franċiża, se ssir lill-Junior College nhar it-Tlieta li ġej. Dawn id-donazzjonijiet huma parti minn sforz kontinwu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex jimlew l-ixkafef tal-libreriji pubbliċi u ta’ l-iskejjel b’materjal ta’ qari ta’ kwalità għolja.

Diġà din is-sena, l-KNK għamel b’kollox 5 donazzjonijiet kbar, inkluż donazzjoni ta’ letteratura Maltija lil Sir MA Refalo Sixth Form fir-Rabat, Għawdex, bħala parti mill-ftuħ tal-Fest tal-Ktieb fis-Sajf fl-14 ta’ Lulju fil-preżenza ta’ L-Onor. Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana. Saret donazzjoni oħra ta’ kotba lil St Nicholas College Dingli Primary fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb 2017. Iktar donazzjonijiet tal-kotba huma ppjanati għall-futur qarib, bili-ħsieb li jinkludu istituzzjonijiet oħra bħal sptarijiet u ċentri korrettivi.

Il-kotba donati lil Malta Libraries se jitqassmu bejn il-fergħat lokali tal-libreriji f’Malta u Għawdex matul il-ftit ġimgħat li ġejjin. Il-KNK jħeġġeġ lill-membri tal-pubbliku biex iżuru l-libreriji lokali tagħhom b’mod aktar frekwenti u jagħmlu użu aktar sħiħ minn dawn is-servizzi kulturali essenzjali.