Kummenti huma off għal din il-kariga

Donazzjoni ta’ kotba lill-Komunità Terapewtika ta’ San Blas (Caritas Malta)

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) illum ta donazzjoni mdaqqsa ta’ kotba lill-Komunità Terapewtika ta’ San Blas (Caritas Malta), li fost servizzi oħra toffri programmi rijabilitattivi lil persuni li jkunu jabbużaw mid-droga.

Il-preżentazzjoni tal-kotba saret fil-librerija l-ġdida taċ-ċentru, li bħalissa għaddej minn fażi ta’ strutturar tal-bini. Jilqgħu d-donazzjoni kien hemm Jeffrey Muscat, Kap tal-Komunità Terapewtika Taqsima tal-Irġiel, u membri oħra tal-istaff.

L-għażla tal-kotba tvarja minn rumanzi, novelli, poeżiji u xogħol etnografiku bil-Malti u bl-Ingliż. Il-maġġorparti tal-kotba huma finalisti jew rebbieħa kemm ta’ premji letterarji lokali, bħall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u anki dawk internazzjonali, bħall-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura.

Il-KNK jagħmel bosta donazzjonijiet matul is-sena, bil-għan li jippromwovi kultura ta’ qari fost setturi differenti u speċifiċi tas-soċjetà.