Il-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 għandu aktar minn mitt attività mmirati lejn il-pubbliku ġenerali, it-tfal u l-familji tagħhom, kif ukoll lejn il-professjonisti tal-industrija tal-pubblikazzjoni: tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, produzzjonijiet teatrali, workshops u konferenzi. Diversi attivitajiet huma mmirati għall-partijiet interessati ewlenin tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) – il-pubblikaturi, l-awturi, it-tradutturi, l-edituri, l-illustraturi, u d-disinjaturi grafiċi. Il-KNK għandu l-għan li jsaħħaħ in-networks professjonali waqt li jkattar l-opportunitajiet għall-komunità kreattiva. Kull attività hija bla ħlas, imma wħud minn dawn is-sessjonijiet jenħtieġu reġistrazzjoni.

Speed Dating Letterarju: ibbukkja appuntament

L-avveniment Literary Speed Dating, li se jittella’ nhar is-Sibt, 26 ta’ Novembru jagħti l-opportunità unika biex tibbukkja laqgħa individwali wiċċ imb wiċċ ta’ kwarta ma’ diversi professjonisti mill-industrija tal-pbblikazzjoni f’ambjent privat. Sija jekk qed tfittex x’għandu jkun l-ewwel pass tiegħek biex tippubblika, sija jekk qed tfittex li tippiċċja l-ktieb tiegħek ma’ pubblikatur, dan l-avveniment għandu jgħodd għalik.

Fost il-professjonisti disponibbli għal laqgħa individwali se jkun hemm l-aġent ta’ John Boyne, Simon Trewin; l-editriċi tal-kotba Elizabeth Cortis; il-poeta lawreata Nadia Mifsud; l-illustratur u direttur tal-arti Gattaldo; il-pubblikatriċi u kofundatriċi ta’ Praspar Press Kat Storace; it-traduttriċi letterarja Jen Calleja; u l-awtriċi rebbieħa ta’ diversi premji u traduttriċi Antoinette Borg. Ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħa hawnhekk.

Punt ta’ tlaqqigħ għall-illustraturi u disinjaturi grafiċi

Fil-qalba tal-Festival, flimkien mal-istands tal-esebituri, se jkun hemm l-esibizzjoni From Illustration to Book, kollaborazzjoni bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti (ACM). Din se tipprovdi vetrina għall-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi li jaħdmu fl-industrija tal-pubblikazzjoni, fejn l-arti viżiva u l-letteratura jimxu id f’id.

Bħala parti mill-programm tal-esibizzjoni, l-ACM se jkun qed jorganizza diversi sessjonijiet ‘Iltaqa’ mal-Artist’. L-ewwel sessjoni se tittella’ nhar l-Erbgħa, 23 mal-awtur Trevor Żahra, segwita minn oħra l-għada mal-Malta Community of Illustrators. Nhar il-Sibt, 26, il-pubblikaturi Chris Gruppetta (Merlin Publishers) u Joseph Mizzi (Klabb Kotba Maltin) se jkunu l-mistiedna speċjali, waqt li nhar il-Ħadd, 27, se jkun imiss lill-illustraturi Marisa Attard u Matt Stroud bħala l-artisti mistiedna. Il-Malta Community of Illustrators se tkun ukoll qed torganizza l-ewwel attitività ta’ tlaqqigħ li matulha se tniedi t-tieni volum tal-pubblikazzjoni annwali tagħhom. Aktar dettalji jinsabu hawnhekk.

L-Awtoppubblikar: agħti sehmek permezz tal-esperjenza tiegħek

Xi awturi awtoppubblikati għażlu li jkunu l-MFCC fost l-esebituri bil-kotba tagħhom. Se tittella’ diskussjoni mmirata għal-qasam tal-awtoppubblikar, Awtoppubblikar – Enfasi fuq il-kwalità. L-awturi li jiddeċiedu li jippubblikaw huma nfushom jaħsbu li jridu jagħmlu kollox waħedhom. Imma biex ktieb awtoppubblikat jittieħed bis-serjetà, irrid jilħaq l-istess standards għolja tal-pubblikaturi tradizzjonali. Dan il-panel se jiddiskuti ir-rotta għall-awtoppubblikar u kif professjonisti tal-industrija jistgħu jassiguraw pubblikazzjoni ta’ kwalità għolja. L-awtur John Bonello se jimmodera d-diskussjoni, bil-parteċipazzjoni tal-editriċi Elizabeth Cortis, il-qarrej tal-provi Dwayne Ellul, u l-illustratur u disinjatur Julian Mallia.

L-awturi u l-imsieħba fl-industrija għandhom ukoll iċ-ċans li jsiru jafu aħjar il-proċess li jwassal għall-produzzjoni ta’ ktieb. Rappreżentanti minn Gutenberg Press se juruna kif isir ktieb u l-mixja sħiħa tal-manifattura ta’ ktieb – mid-disinn sal-ktieb lest.

Qrara ta’ Aġent Letterarju: Malta lesta għaliha?

L-aġent letterarju Simon Trewin se jagħmel diskors li fih se jirrifletti fuq l-irwol tal-aġent li jsarraf kemm jista’ jkun il-potenzjal tal-awtur minn perspettiva kreattiva u ta’ negozju. Se jħares lejn it-tranżizzjoni li għaddiet minnha d-dinja globali tal-pubblikazzjoni mill-bidu tad-disgħinijiet sa issa, bil-għan li jiġbor biżejjed perspettivi lokali biex jgħin fil-ħolqien ta’ aġenzija letterarja f’Malta.

Trewin ħadem ma’ diversi awuri internazzjonali bestsellers, fosthom John Boyne, u miss ma’ medda ta’ oqsma bħal dawk tal-ktieb, il-film, it-teatru u l-qasam diġitali, għalhekk għandu biżżejjed esperjenza biex jitkellem fuq l-irwol tal-aġent u jwieġeb għal mistoqsijiet minn awturi prospettivi, ippubblikati jew individwi li qed ifittxu li jibdew karriera fid-dinja tal-pubblikazzjoni. Tista’ tirreġistra minn fuq din il-ħolqa.

Workshop tal-illustrazzjoni għat-tfal

Gattaldo, l-illustratur tal-poster tal-Festival ta’ din is-sena, u l-awtur tal-ktieb tat-tfal Fearless, se jagħti workshop tal-illustrazzjoni ta’ darba mmirat għal tfal bejn seba’ u tnax-il sena. Minħabba li l-postijiet huma limitati għal għoxrin, jenħtieġ tirreġistra hawnhekk. Se jiġu pprovduti l-materjali meħtieġa għal dan il-workshop.

Il-poeżija Maltija timraħ lil hinn

Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, li se tittella’ nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Novembru, il-KNK se jħabbar id-dettalji fuq il-kollaborazzjoni ma’ Modern Poetry in Translation, rivista tal-poeżija mir-Renju Unit li tippubblika l-aqwa poeżija dinjija kontemporanja. Permezz ta’ din il-kollaborazjoni, se tiġi ppubblikata sezzjoni f’din ir-rivista ta’ poeżija Maltija tradotta f’waħda mill-ħarġiet tal-2023.

Aktar dettalji fuq tressiq ta’ applikazzjonijiet, regolamenti u dati tal-għeluq se jitħabbru matul dan l-avveniment.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-akbar u l-aktar ċelebrazzjoni wiesgħa tal-kultura tal-ktieb f’Malta. Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Festival huma kif ġejjin: minn nhar l-Erbgħa sal-Ħamis mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9pm; nhar il-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sal-10pm; nhar is-Sibt mid-9:30am sal-10pm, u nhar il-Ħadd mid-9:30am sat-8pm.

Il-programm sħiħ tal-avveniment għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jinsab online hawnhekk. Għall-aħħar aġġornamenti, jekk jogħġbok segwi s-sit tal-KNK, il-paġna ta’ Facebook tal-KNK, kif ukoll il-paġna tal-avveniment The Malta Book Festival 2022.


Share Article