Il-Ħwienet tal-Kotba

Dawn huma l-esebituri li qed jipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 bil-ħwienet tal-kotba tagħhom. Segwi l-ħoloq għas-siti tagħhom sabiex tixtri l-kotba, tiskopri titli ġodda u tibbenefika mill-offerti tiegħu.

L-esebituri tal-Fiera ħejjew attivitajiet għaż-żgħar u l-kbar, li tista’ ssib fil-Programm tal-attivitajiet.

Agenda Bookshop huwa wieħed mill-aktar bejjiegħa tal-kotba u tal-fuljetti importanti f’Malta. Il-ħwienet tal-Agenda jinsabu f’postijiet ċentrali u ewlenin f’Malta, fosthom l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Kampus tal-Università ta’ Malta, u stabbilimenti ewlenin tax-xiri. Għand Agenda Bookshop issib l-aqwa u l-aħħar kotba li kienu suċċess madwar id-dinja, kif ukoll għażla wiesgħa ta’ titli ġodda kuljum. L-għażla ta’ kotba għand Agenda hija varja daqs kemm mistennija li tkun minn ħwienet tal-kotba ewlenin fir-Renju Unit.

Visit website

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana hija organizzazzjoni reliġjuża internazzjonali b’fergħat f’aktar minn 210 pajjiżi. Hija tinkoraġġixxi djalogu, paċi, imħabba u rispett bejn segwaċi ta’ twemmin differenti. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tippromwovi l-edukazzjoni, l-għarfien u l-qari tal-kotba, u għal dan l-għan il-Komunità tippubblika kotba bil-Malti. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana hija magħrufa wkoll għas-sehem tagħha attiv fl-għajnuna soċjali u li tgħin lil dawk li huma fil-bżonn, u tinvolvi ruħha f’ħidma karitatevoli u filantropika. Il-motto tagħha huwa: “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”.

Visit website

BDL Distribution ilu għal aktar minn 25 sena d-distributur ewlieni ta’ pubblikazzjonijiet fil-ħwienet tal-kotba u ħwienet oħra f’Malta u Għawdex. BDL Publishing, it-tieni pilastru tal-kumpanija, jispeċjalizza f’kotba ta’ kwalità li jvarjaw minn letteratura fittizja għat-tfal għal kotba prestiġjużi tal-melitensia. It-tielet pilastru tal-kumpanija huwa BDL Retail. Il-ħanut ta’ San Ġwann jinkludi ġabra estensiva tal-aqwa kotba fejn wieħed jista’ jfittex u jixtri direttament minn għażla ta’ ’l fuq minn 20,000 titlu.

Visit website

Bookends huwa ħanut il-Fgura li joffri kotba ġodda bi prezzijiet ferm iktar baxxi mill-prezzijiet oriġinali tagħhom. Għandek issib għażla kbira ta’ kotba fuq suġġetti differenti. Fis-suq lokali Bookends kiseb reputazzjoni qawwija, kemm għall-kwalità tal-kotba, kif ukoll għall-prezzijiet irħas ħafna.

Visit website

Iċ-ĊAK (Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni), fi ħdan il-Patrijiet Franġiskani Konventwali, twaqqaf fl-1998 bl-iskop li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-animazzjoni reliġjuża permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Beda jippubblika diversi fuljetti, rivisti u kotba ta’ natura reliġjuża u fl-2005 inkorpora miegħu d-Dar Editriċi Reliġjon u Ħajja li kienet twaqqfet fl-1967 minn Patri Alessandru Bonnici. Id-Dar Editriċi kompliet bil-ħidma fil-qasam tal-kotba reliġjużi u f’dan l-aħħar żmien saret il-pubblikatur uffiċjali tad-dokumenti l-aktar importanti tal-Knisja u tal-Papiet; dan bi ftehim mal-Konferenza Episkopali Maltija u mal-Libreria Editrice Vaticana. S’issa ċ-ĊAK ippubblika aktar minn 325 ktieb.

Visit website

Carmen J. Schembri hija għalliema irtirata wara 24 sena tgħallem ir-reliġjon u suġġetti umanitarji oħra. Gradwata b’Baċellerat fit-Teoloġija u l-Istudji Reliġjużi mill-Università ta’ Malta, kif ukoll b’Maġisteru fil-Kreattività u l-Innovazzjoni, iddeċidiet li toħroġ l-ewwel ktieb tagħha Religiosity Finds its Perfection in Spirituality li bih tixtieq turi li l-kunċett tal-ispiritwalità jista’ jġib bidla fil-mod kif jiġi mgħallem ir-reliġjon fl-iskejjel sekondarji.

Visit website

Ewropa Kreattiva 2021-2027 huwa l-programm ta’ Eur 2.4 biljun tal-UE li jappoġġja setturi kulturali u kreattivi. Ewropa Kreattiva qiegħda hemm biex tissalvagwardja, tiżviluppa u tippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiku Ewropew, u żżid il-kompetittività u l-potenzjal ekonomiku tas-setturi kulturali u kreattivi.

Visit website

Daniel Schembri huwa l-awtur tar-rumanz debutt tiegħu Nyctophilia. Nyctophilia (nom.) Attrazzjoni lejn id-dlam jew il-lejl; rilassament u kumdità fid-dlam. Iltaqa’ ma’ Daniel Schembri, l-awtur ta’ dan ir-rumanz skur miktub bil-Malti liriku, naturali u grafiku, iżda li jxeqleb lejn il-poetiku. Kopji tal-ktieb se jkunu disponibbli għall-bejgħ.

Visit website

Id-Dar tal-Pubblikazzjoni QUM, imwaqqfa fl-2012, hi impenjata biex tforni lill-pubbliku b’letteratura distintivament riformista, kemm oriġinali kif ukoll tradotta. L-għan hu sabiex jitwassal l-evanġelju fis-sbuħija tiegħu ħalli dawk li jikkunsidraw isiru dixxipli ta’ Ġesù jitgħallmu t-triq li twassal għall-ħajja, kif ukoll sabiex il-Kristjani jimmaturaw aktar bħala dixxipli ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Visit website

Deer Publications hija dar tal-pubblikazzjoni żgħira li stabbiliet ruħha fil-qasam partikolari iżda popolari ta’ kotba relatati mal-ħajja tal-qaddisin u ċ-ċelebrazzjonijiet soċjokulturali tagħhom li jsiru lokalment b’pompa u entużjażmu kbir. Il-pubblikazzjoni ewlenija tagħha hija l-enċiklopedija tal-festa Ilwien il-Festi Maltin (kull wieħed mill-għaxar volumi jinkludi ’l fuq minn 650 ritratt meħud mill-fotografu professjonali u dilettant tal-festa Mark Micallef Perconte). L-editur tas-serje huwa Andrew Borg li wkoll daħal mill-ġdid fis-suq tal-kotba tal-qaddisin addattati għall-qarrej żagħżugħ. L-aħħar proġett ta’ Deer Publications huwa pubblikazzjoni maġġuri ta’ kollezzjoni ta’ studji akkademiċi dwar San Ġużepp, li għalih il-Papa Franġisku ddikjara l-2021 bħala s-sena speċjali tiegħu.

Visit website

Dunstan Hamilton, awtur ta’ aktar minn 35 ktieb għat-tfal, bl-aktar popolari Xummiemu Stories u L-Avventuri ta’ Xadina Brikkuna, reġa’ lura, din id-darba bi ktieb għat-tfal bl-Ingliż, The Very Naughty Headmistress. B’aktar minn 50,000 kopja tal-kotba tiegħu fiċ-ċirkolazzjoni, din l-aħħar pubblikazzjoni għandha tkun għall-bejgħ flimkien ma’ bosta titli oħra Maltin u Ingliżi mill-awtur, b’offerti speċjali matul il-Festival.

Visit website

Koperattiva Kixott huwa ħanut tal-kotba u spazju għall-avvenimenti kulturali. Il-koperattiva hija magħmula minn numru ta’ artisti u b’kollaborazzjoni ma’ Ede Books. // Ede Books hija impriża żgħira ta’ pubblikazzjoni li tipproduċi kotba u pubblikazzjonijiet perjodiċi b’kontenut viżiv li jmiss mal-arti, il-poeżija, il-fotografija u l-kultura urbana.

Visit website

Id-Dar tal-Pubblikazzjoni Faraxa twaqqfet fl-2011 bil-għan li tippubblika traduzzjonijiet letterarji u mhux għal-lingwa Maltija; xogħlijiet ta’ awturi rinomati fid-dinja, kif ukoll ta’ dawk inqas magħrufa. Is-Sensiela Traduzzjonijiet Faraxa issa tinkludi ’l fuq minn 25 xogħol klassiku Ewropew fit-traduzzjoni għall-Malti u se tkun qed tespandi aktar. Faraxa ppubblikat kotba ta’ ħafna ġeneri, minn xogħlijiet akkademiċi, mużika klassika, poeżija, filosofija, xogħlijiet għall-adolexxenti, kif ukoll xogħlijiet ta’ fantasija u letteratura għat-tfal.

Visit website

Fondazzjoni Sagħtar hija l-id professjonali tal-Malta Union of Teachers (MUT), u taħdem biex ittejjeb u ġġib ’il quddiem il-kwalitajiet professjonali tal-edukaturi Maltin u Għawdxin, u tgħin fil-ħidma edukattiva permezz ta’ pubblikazzjonijiet, korsijiet, taħditiet u riżorsi edukattivi oħrajn. Ewlenija fost il-pubblikazzjonijiet tal-Fondazzjoni hija r-rivista popolari Sagħtar, li toħroġ kull xahar matul is-sena skolastika u għandha storja ta’ 50 sena.

Visit website

L-għan tal-organizzazzjoni huwa li titqajjem kuxjenza pubblika dwar ix-xogħol li jsir fl-Arkivji Nazzjonali u l-importanza li jiġi ppreservat materjal ta’ valur storiku.

Visit website

Il‐German‐Maltese Circle hija organizazzjoni volontarja li twaqqfet fit‐18 ta’ Ottubru 1962.  L‐għan tagħha huwa li tippromwovi ħbiberija bejn il‐Ġermanja u Malta u għaldaqstant l‐Għaqda ilha mit‐twaqqif tagħha torganizza attivitajiet kulturali u korsijiet tal-Ġermaniz kemm għat‐tfal u kemm għall‐adulti. // Id‐Dipartiment tal‐Ġermaniż huwa parti mill‐Fakultà tal‐Arti fl‐Università ta’ Malta. Id‐Dipartiment joffri l‐opportunità li l‐istudenti jistudjaw il‐Ġermaniż f’firxa ta’ korsijiet: korsijiet full‐time undergraduate u postgraduate (BA Unuri bil‐Ġermaniż, BA Ġenerali bil‐Ġermaniż, MA u PhD bil‐Ġermaniż), korsijiet tal‐lingwa part‐time għal‐livelli kollha tal‐lingwa (Ċertifikat/Diploma fil‐Profiċjenza tal‐Lingwa), u korsijiet part‐time filgħaxija għall‐pubbliku ġenerali (Ċertifikat/Diploma bil‐Ġermaniż).

Visit website

L-Għaqda tal-Malti – Università hija organizzazzjoni studenteska bl-għan li tirrappreżenta lill-istudenti tal-Malti f’livell postsekondarju u terzjarju, u toffri spazju għal kull min għandu għal qalbu l-Malti sabiex jaħdem favur din il-lingwa, b’modi differenti. Kull sena l-Għaqda tniedi l-pubblikazzjoni annwali tagħha, Leħen il-Malti, waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Visit website

Heritage Malta hija l-aġenzija nazzjonali tal-mużewijiet, il-konservazzjoni u l-patrimonju kulturali. Hija attiva ferm fil-kamp tal-pubblikazzjoni bħala parti mill-isforzi tagħha b’risq id-demokratizzazzjoni tal-patrimonju. Il-firxa ta’ xogħlijiet ippubblikati tinkludi katalgi tal-wirjiet, ġabriet ta’ studji, kotba għat-tfal, kotba marbuta ma’ proġetti ta’ konservazzjoni u riġenerazzjoni, u studji aktar iffukati. Fil-ħarifa tal-2015, Heritage Malta nediet ukoll perjodiku li joħroġ darbtejn fis-sena. // Fl-14 ta’ Novembru 1920 twaqqfet l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li aktar tard saret magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti. Il-ħsieb ewlieni tagħha kien li tagħżel alfabett li jkun imħaddem mill-kittieba kollha tal-Malti. L-Akkademja tal-Malti hija msieħba fil-European Writers Council u kull tliet snin tieħu sehem fil-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea. L-Akkademja tal-Malti taħdem biex iġġib ’il quddiem il-qagħda tal-Malti bħala lsien nazzjonali fl-oqsma kollha tal-ħajja.

Visit website

Horizons hija waħda mid-djar tal-pubblikazzjonijiet ewlenin f’Malta, rebbieħa ta’ bosta premji letterarji fil-kategoriji differenti tal-kotba. Ippubblikat awturi magħrufa u stabbiliti bħal Mario Azzopardi, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Victor Fenech, Charles Flores, Albert Marshall, Gorg Peresso, Giuseppe Schembri Bonaci u Vincent Vella, kif ukoll introduċiet awturi ġodda bħal Eman Bonnici, Edgar Formosa, Jacqueline Mizzi, Sergio Grech, Tyrone Grima, Stephen Lughermo, Justin Schembri u André Mangion.

Visit website

Inizjamed hija organizzazzjoni kulturali Mediterranja li twaqqfet fl-1998 bil-għan li tmexxi proġetti kulturali u artistiċi fuq livell lokali u internazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi ta’ Inizjamed huma marbutin mal-kitba kreattiva bil-Malti, fosthom l-organizzazzjoni ta’ workshops ma’ awturi magħrufin u festivals tal-letteratura, iżda dejjem ikun hemm interazzjoni ma’ forom oħra tal-arti, bħat-teatru, il-mużika u l-arti viżiva. Isiru wkoll ħafna proġetti f’oqsma artistiċi u kulturali oħrajn.

Visit website

L-Istituto Italiano di Cultura huwa simbolu tal-wirt Taljan f’Malta u huwa parti mill-Ambaxxata Taljana f’Malta. L-għan ewlieni tiegħu huwa l-promozzjoni tal-lingwa u l-kultura Taljana permezz ta’ avvenimenti – bħal wirjiet, kunċerti u konferenzi – u librerija estensiva miftuħa għall-pubbliku.

Visit website

Il-kreattività, l-innovazzjoni, u l-kwalità għolja u ta’ interess għall-qarreja huma fost l-aktar kunsiderazzjonijiet importanti għal Kite Group. Permezz ta’ kull ktieb, Kite Group jimmira li  joħloq esperjeza li tagħti gost lill-qarrejja. Dan jgħodd kemm għal min ifittex il-viżiv u anki għal min ifittex il-qari. Fost il-kotba li ġew ippubblikati minn din id-dar tal-pubblikazzjonijiet, rebbieħa ta’ diversi premjijiet, hemm dawk dwar l-arti, il-kultura, bijografiji, stejjer qosra, kotba t’umoriżmu, fotografija, arkitettura, liġi u l-istorja ta’ pajjiżna. Kite Group joffri servizz lill-qarrejja u lil kull min irid jippubblika ktieb. Tista’ tixtri kotba ppubblikati minn Kite Group minn www.kitegroup.com.mt u tingħata skont ta’ 25% billi ddaħħal il-kodiċi tal-kupun BOOKS25.

Visit website

Kiwi hija dar tal-pubblikazzjoni ffukata fuq li toffri esperjenza unika fil-kotba għat-tfal. Kiwi temmen li l-kotba għandhom jipprovdu opportunità għat-tfal biex jitgħallmu u joħolmu. Konformi mal-filosofija tagħha, Kiwi tippubblika kotba tat-tfal ta’ kwalità għolja b’differenza, u ġġib stejjer sinjifikanti u tispira lill-qarrejja żgħar biex joħolmu.

Visit website

Lara Bezzina hija l-awtriċi ta’ The Little Island that Was no More / Il-Gżira Żgħira li m’għadhiex iżjed, ktieb immirat biex iqajjem kuxjenza mat-tfal dwar l-importanza tan-natura. L-istorja hija dwar il-gżira żgħira ta’ Plota, fejn kulħadd qed jgħix kuntent sakemm żagħżugħ jibda jibni bini enormi kullimkien u jaqta’ siġar. In-nies ta’ Plota ma jkunux kuntenti u jitolbu l-għajnuna tar-Re.

Visit website

Fl-1975 is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija magħrufa bħala M.U.S.E.U.M. żviluppat ħanut tal-kotba, illum stabbilit sewwa, bl-isem tal-fundatur tagħha, Preca Library. Il-ħanut jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ letteratura reliġjuża u riżorsi multimedjali oħra minn bosta mid-djar tal-pubblikazzjoni ewlenin fl-Ewropa, l-Asja u l-Amerika ta’ Fuq. F’Novembru 1997 il-ħanut tal-kotba mexa għal żona aktar spazjuża u ddisinjata speċifikament għalih fid-Dar Ċentrali tas-Soċjetà fi Blata l-Bajda, li toffri aċċess aħjar għall-pubbliku ġenerali. Minbarra l-varjetà kbira ta’ kotba spiritwali, il-Librerija Preca toffri varjetà kbira ta’ tifkiriet Nisranin għall-okkażjonijiet kollha: Il-Milied, Il-Ġimgħa Mqaddsa, Tiġijiet, Il-Magħmudija, It-Tqarbina, Il-Griżma, Għeluq is-snin, eċċ.

Visit website

Malta Libraries hija l-entità responsabbli għall-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Librerija Nazzjonali (Għawdex), il-Librerija Ċentrali Pubblika, il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, il-Libreriji Pubbliċi Reġjonali u Lokali f’Malta u Għawdex u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Bibljografija. Bħala entità, Malta Libraries ġiet imwaqqfa bl-Att Dwar il-Libreriji Maltin (Att VII tal-2011), flok dak li qabel kien id-Dipartiment tal-Libreriji.

Visit website

Il-Malta University Press hija d-dar żgħira iżda prestiġjuża tal-pubblikazzjonijiet akkademiċi tal-Università ta’ Malta, l-università nazzjonali tal-gżejjer Maltin. L-Istampa hija speċjalizzata fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kwalità għolja u riveduti b’mod rigoruż mill-pari ta’ Malta u l-Mediterran b’interess partikolari fix-xjenzi umanistiċi u soċjali.

Visit website

Mario Saliba huwa tabib tal-familja u riċkerkatur fil-Mediċina Iperbarika.Irriċerka dwar l-istorja tal-mediċina u kiteb bosta artikli f’rivisti u ġurnali varji dwar temi soċjali, kulturali, u l-istorja soċjali tal-mediċina u s-saħħa. Fl-2004 ippubblika ktejjeb dwar mixjiet  fin-Nadur. Fl-2007 ħareġ it-tieni edizzjoni ta’ dan il-ktejjeb.  Saliba huwa membru tal-Akkademja tal-Malti.

Visit website

Marvelous Malta tippubblika kotba li jiċċelebraw l-għeġubijiet naturali ta’ Malta. B’fotografija eċċellenti, l-ewwel ktieb tagħha – Fejn Jikbru l-Orkidej Selvaġġijiżvela b’mod sabiħ id-dinja affaxxinanti tal-orkidej slavaġ tagħna. L-ambizzjoni hi li kull sena toħroġ episodju bħala kollezzjoni ta’ dan il-vjaġġ estetiku qrib il-Milied.

Visit website

Matthew Schembri huwa artist viżiv u kittieb ibbażat f’Malta. Schembri rebaħ il-premju Divergent Thinkers 04 (2015), il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ tal-KNK (2016), Shifting Contexts (2019) u fl-2018 ingħata l-premju bħala l-Artist Żagħżugħ tas-Sena 2017 mill-Kunsill Malti għall-Arti. Ir-rumanz debutt tiegħu, Stessi, ġie ppublikat minn Merlin Publishers fl-2018 u kull paġna tar-rumanz ġiet parzjalment imħassra mill-kittieb innifsu bħala parti mill-proġett Ħassartek fl-2021.

Visit website

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qiegħed ibigħ prinċipalment kotba mill-Ħannieqa Kulturali ppubblikati mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u miktuba minn diversi awturi, l-aktar relatati mal-wirt, l-istil ta’ ħajja u l-istorja tar-raħal tal-Mellieħa.

Visit website

Merlin Library ilu jissupplixxi kotba lill-iskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji mill-1978. Wieħed mill-ħwienet li għandna u li jinsab Blata l-Bajda huwa l-uniku ħanut ġo Malta li jġib il-kotba tal-iskola tul is-sena kollha. Issibilna wkoll għażla wiesgħa ta’ materjal għar-reviżjoni għal ħafna mis-suġġetti. Nispeċjalizzaw f’kotba għat-tfal u kontinwament inġibu eluf ta’ kotba għal tfal ta’ bejn it-3 xhur sal-adolexxenti. Għandna selezzjoni kbira ta’ kotba fittizji u mhux fittizji u oħrajn ta’ interess ġenerali għall-adulti. Spiss ikollna wkoll offerti speċjali għal tfal li huma membri fil-Wizzies Club. Merlin Library kien l-ewwel li introduċa lill-awturi tal-kotba tat–tfal ġewwa Malta fejn dawn daru l-iskejjel jitkellmu mat-tfal u jissapportjaw lill-iskejjel fuq kemm huwa importanti l-qari għall-istudenti. Fl-2003, Lynne Reid Banks kienet l-ewwel awtriċi li ġiet Malta u wara din kien hemm ħafna oħrajn.

Visit website

Il-Merlin, mill-bidu tagħha fl-1964 sal-lum, żviluppat fl-aktar dar ta’ pubblikazzjoni Maltija innovattiva u avventuruża. Il-Merlin għandha lista estensiva ta’ letteratura Maltija, u saret l-ewwel dar għall-parti l-kbira tal-awturi stabbiliti Maltin kif ukoll dejjem tilqa’ u tagħti l-opportunità lil awturi emerġenti. Il-Merlin Publishers rebħet bosta drabi l-Premju tal-Aqwa Dar ta’ Pubblikazzjoni u dejjem kienet minn tal-ewwel bl-introduzzjoni u esperimentazzjoni ta’ stili ġodda ta’ produzzjoni, disinn u marketing. Kotba Merlin ġew esibiti fil-Fieri tal-Ktieb ta’ Frankfurt, Londra u Bologna.

Visit website

Midsea Books Ltd. u Klabb Kotba Matin huma meqjusa fost il-pubblikaturi ewlenin f’Malta. Id-dar tal-pubblikazzjoni twaqqfet minn Pawlu Mizzi fl-1969. Din is-sena l-KKM qed jiċċelebra l-50 anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb Il-Gaġġa fl-1971. Midsea Books u s-sussidjarji tagħha Klabb Kotba Maltin u Heritage Books jippubblikaw ġeneri differenti ta’ kotba, minn dawk għat-tfal, rumanzi u novelli, sa storja u kotba tal-arti dwar Malta. Bosta mill-kotba ppubblikati huma rebbieħa ta’ premjijiet jew ġew imsemmija fi premjijiet letterarji kemm Malta kif ukoll barra.

Visit website

Paul Fenech Gonzi huwa l-awtur ta’ Judas: The Malta Revelations, l-istorja li fiha jmut Joshua Sacco waqt li jkollu pussess ta’ sigriet, li potenzjalment jeqred waħda mill-akbar ħrejjef tal-umanità u jheżżeż il-pedamenti tal-Knisja Kattolika. L-istorja twassal għar-rivelazzjonijiet ta’ stejjer li raqdu għal millenji sħaħ fix-xtut tal-gżejjer Maltin u t-tradizzjonijiet Pawlini tagħha b’għeruq fondi. Kopji tal-ktieb se jkunu għall-bejgħ waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Visit website

SKS hija dar tal-pubblikazzjoni bbażata f’Malta li tispeċjalizza prinċipalment fil-ġeneri tal-istorja, letteratura, teorija politika, kultura, u bijografija. SKS tirsisti biex tinforma u teduka lill-pubbliku ġenerali billi tippubblika kotba ta’ kwalità għolja bbażati fuq fehim liberali tal-ħajja, l-istorja u l-letteratura, biex tipprovdi kittieba u riċerkaturi ta’ konvinzjoni simili l-opportunità li jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom, u biex jikkontribwixxu lejn l-arrikkiment soċjali, kulturali, intellettwali u nazzjonali.

Visit website

Imwaqqfa fl-2017, aħna kumpanija tal-produzzjoni ta’ xogħlijiet teatrali abbażi ta’ proġetti, li nivvjaġġaw minn post għall-ieħor madwar Malta u Għawdex kull darba, u nagħmlu teatru li jgħodd għal kull tip ta’ udjenza. Kien importanti li ma noħolqux teatru fi spazju wieħed għall-istess udjenza, u ridna noħolqu teatru kullimkien għal kulħadd, barra u ġewwa, u nivvjaġġaw kullimkien minn skejjel għal każini tal-baned, klabbs, teatri parrokkjali, teatri nazzjonali u toroq – u dak hu preċiżament dak li għamilna.

Visit website

Wirt iż-Żejtun hija organizzazzjoni lokali mhux governattiva (NGO) li taħdem fis-settur tal-wirt. Twaqqfet fuq inizjattiva ta’ grupp ta’ nies, l-aktar ġejjin miż-Żejtun, permezz ta’ riżoluzzjoni approvata waqt laqgħa formali li saret fit-3 ta’ Ottubru 2010. Il-viżjoni tagħna hija li fl-iqsar żmien possibbli nimmotivaw lin-nies taż-Żejtun biex jifhmu bżonn li napprezzaw, nirrispettaw u nieħdu ħsieb il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku taż-Żejtun u n-nies tagħha.

Visit website