
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb kellu l-ftuħ uffiċjali llum fis-6:30 ta’ filgħaxija biċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni għall-Premju Terramaxka 2018, immexxija minn Antonella Axisa. Iċ-ċerimonja saret fl-Activity Area ta’ Sala Sagra Infermerija, iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, u kienet ippreseduta mill-president eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.
Camilleri fetaħ is-serata b’diskors, billi tkellem dwar l-importanza li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jagħti lill-kultura tal-qari, u qal li għalhekk il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iżid fis-suċċess tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Semma fost l-oħrajn iż-żieda ta’ sala oħra għall-Festival, jiġifieri l-irduppjar tal-post allokat għall-Festival.
L-avveniment segwa b’qari minn Il-Qtates ta’ max-Xatt, li s-sena li għaddiet rebaħ fil-kategorija ta’ kotba għat-tfal ta’ etajiet 0 -7 tal-Premju Terramaxka. Ir-rebbieħa kienu mbagħad imħabbra fl-ordni tal-kategoriji skont l-etajiet, li jibdew minn 0-7, u jibqgħu sejrin sa 13-16, kemm b’xogħlijiet oriġinali kif ukoll tradotti.
Wara ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima, indirizza lill-udjenza meta tkellem dwar l-importanza tal-qari fiż-żgħażagħ u t-tfal, u enfasizza t-tħabrik tal-Ministeru għall-Edukazzjoni f’das-settur.
Ir-rebbieħa huma elenkati hawn taħt:
Kategorija: xogħlijiet oriġinali (0-7)
Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna, Mamà, Allura Din imħabba? (Merlin Publishers)
Kategorija: xogħlijiet oriġinali (8-12)
Clare Azzopardi, Jissokta l-każ tal-aħwa Saver u Ludmilla Demolizz (Merlin Publishers, illustratur Mark Scicluna)
Kategorija: xogħlijiet oriġinali (13-16)
Stephen Lughermo, Jarmuk (Horizons Communications Ltd.)
Kategorija: xogħlijiet tradotti (0-7)
Claudia Gauci, Magni Taż-żmien, traduzzjoni tal-ktieb Macquinas do Tempo ta’ Romont Willy (Merlin Publishers)
Kategorija: xogħlijiet tradotti (8-12)
Noel Tanti, Il-kulleġġ għall-prinċipijiet perfetti, tradott mill-ktieb A Escola dos principes, encantandos ta’ Eliandro Rocha (Merlin Publishers)
Kategorija: premju għall-aħjar produzzjoni tal-kotba
Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna, Mamà, Allura Din imħabba? (Merlin Publishers)