Kummenti huma off għal din il-kariga

Ħarsa lejn ir-Rebbieħa tal-Konkors tal-Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016

Id-dinja taż-żgħażagħ hija dinja ta’ bidla kontinwa. Biżżejjed li wieħed jikkunsidra l-fluss ta’ innovazzjoni teknoloġika fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-midja, u l-impatt li dan għandu fuq il-lingwa u l-ħajja taż-żgħażagħ. Waħda mill-isfidi għall-kittieba ta’ letteratura mmirata għal udjenza żgħażugħa huwa li jipproduċu letteratura li jirnexxielha tirrapreżenta il-ħsibijiet, il-problemi u l-elementi kulturali tal-popolazzjoni adolexxenti attwali mingħajr ma titlef xejn mir-rilevanza universali li tikkaratterizza letteratura kbira u tiżgura li tali letteratura ma tmut qatt.

Iż-żewġ manuskritti rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tal-Konkors tal-Kitba -Letteratura għaż-Żgħażagħ, STESSI ta’ Matthew Schembri u ŻEJT FIL-WIĊĊ ta’ Antoinette Borg, huma mimlija referenzi għall-elementi ta’ kultura popolari maż-żgħażagħ. It-tnejn kemm huma jirnexxielhom jorbtu dawn u elementi oħra tan-narrativa tagħhom ma’ temi universali.

STESSI għandu bħala argument prinċipali t-trasformazzjoni qerrieda tal-protagonist minħabba ossessjoni kerha bl-istessi. Ħaġa relattivament reċenti, u popolari mhux biss maż-żgħażagħ, l-istessu jsir metafora qawwija fir-rumanz, li sservi lill-awtur bħala mezz sabiex jesplora t-tema universali tal-mument u l-għarfien tagħna tal-mument: l-istessu għandu l-għan li jaqbad il-mument iżda fil-proċess, meta jinġibed ir-ritratt, il-mument imut.

L-istessu u r-rappreżentazzjoni tal-‘jien’ fil-midja soċjali huma fenomeni kontemporanji iżda t-temi bażiċi li jeżamina Schembri huma qodma daqs il-letteratura nnifsha. Fir-rakkont ta’ Ovid Narċisju u Eko jgħebu mir-realtà, bla ġisem, minħabba ossessjoni li ddur dejjem fuq il-‘jien’. Ovvjament, l-għażla ta’ isem għall-protagonist ta’ STESSI, Narċisju, hija sinifikattiva ħafna.

ZEJT FIL-WIĊĊ jista’ jiġi meqjuż bħala ‘detective story’. Ir-rakkont idur madwar inċident tat-traffiku mingħajr konsegwenzi kbar iżda li madankollu jqajjem għadd ta’ mistoqsijiet. Meta l-pulizija u waħda mix-xhieda jipprovaw isibu tweġibiet għall-mistoqsijiet, jitfaċċaw numru ta’ veritajiet mhux mistennija.

Borg tesplora diversi temi universali f’dan ir-rumanz. Tema minnhom, importanti ħafna fir-rakkont, titratta n-natura tal-verità: il-logħba Truth or Dare, il-mistħija ta’ Shay, wieħed mill-protagonisti, meta jkollu jgħid ismu vera quddiem l-awtoritajiet u l-ħbieb, is-sigriet “terribbli” li protagonist ieħor, Miguel, iżomm mistur mill-familja u l-ħbieb.

 

Matthew Schembri

Matthew Schembri studja l-Arti fl-Università ta’ Malta u kompla l-istudji tiegħu permezz tal-Masters fl-Arti Diġitali (Università ta’ Malta). Attiv ħafna fil-qasam tal-arti viżiva, kif ukoll f’dak tal-kitba kreattiva.

 

ant

Antoinette Borg iggradwat bħala accountant u għal għoxrin sena kienet taħdem bħala business advisor waqt li toħlom li xi darba tikteb ktieb. ŻEJT FIL-WIĊĊ huwa t-tieni rumanz tagħha. Bħalissa qegħda taħdem fuq it-tielet wieħed.