Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019, l-aktar ċelebrazzjoni tal-ktieb prominenti u prestiġjuża tas-sena, li se sseħħ f’Dar il-Mediterran (MCC), il-Belt Valletta, mill-Erbgħa 6 ta’ Novembru sal-Ħadd 10 ta’ Novembru. Il-poster għall-Festival ta’ din is-sena huwa xogħol l-illustratriċi magħrufa Lisa Falzon u d-diżinjatur grafiku Steven Scicluna. Falzon ipproduċiet ix-xogħol viżiv għall-Festival tas-sena li għaddiet.

Il-programm sħiħ se jiġi ppubblikat fit-tieni ġimgħa ta’ Settembru u aktar tard jitqassam f’forma stampata fid-djar kollha f’Malta u Għawdex.

Bħas-soltu, il-Festival se jiftaħ b’konferenza, li din is-sena se tkun imsejsa fuq it-tema tal-letteratura fantaxjentifika u se tkun immexxija minn numru ta’ awturi barranin u lokali, fosthom Loranne Vella, il-kittieba bbażata fi Brussell li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 bir-rumanz Rokit (Merlin Publishers). L-awturi barranin li se jieħdu sehem fil-konferenza huma l-kittieb imwieled Malta Jon Courtenay Grimwood, Kali Wallace, u Dave Rudden.

Fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa filgħodu l-Festival se jilqa’ ż-żjajjar tal-iskejjel, u programm speċjali ta’ attivitajiet kulturali u divertenti qed jitħejja għalihom, fosthom drammi, attivitajiet ta’ qari u laqgħat ma’ kittieba. Barra minn hekk, grupp ta’ atturi professjonali mmexxija minn Antonella Axisa, se jkunu qed jaddattaw il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2018 għall-istejġ. Din is-sena dawn il-produzzjonijiet se jittellgħu f’Republic Hall, l-MCC, li mistennija tgħin aktar sabiex iż-żjajjar tat-tfal tal-iskola jkunu ġestiti aħjar.

Wara s-suċċess li kisbu d-duo Danusan bl-ewwel xows tagħhom is-sena l-oħra, ġie deċiż li dis-sena jerġgħu jipparteċipaw b’xows ġodda ispirati mill-kotba li jkunu għadhom kif rebħu l-Premju Terramaxka 2019. Il-biljetti se jkunu għall-bejgħ nhar il-15 ta’ Lulju mis-sit tal-MCC. Ibqgħu segwu l-aħbarijiet mill-KNK fil-ġimgħat li ġejjin biex tkunu tafu dwar kif tistgħu tirċievu vawċers għall-biljetti tad-Danusan meta tixtru l-kotba li se jkunu għall-bejgħ waqt il-Festival. 

Il-KNK bi pjaċir qed jerġa’ jħabbar ukoll l-estensjoni tal-ispazju għall-Festival, b’sala oħra għall-bejjiegħa tal-kotba u l-għaqdiet mhux governattivi. Dan apparti l-estensjoni tal-activity areas għall-bosta preżentazzjonijiet ta’ kotba, diskussjoni, tnedijiet u attivitajiet kulturali li se jsiru.

Żommu anki kuntatt magħna, għax aktar il-quddiem inħabbru wkoll l-awtur internazzjonali magħruf li se jkun il-mistieden speċjali ta’ dis-sena.

Il-KNK jixtieq jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk l-eżebituri potenzjali li għadhom ma bagħtux l-applikazzjoni biex jagħmlu dan minn hawnhekk. Is-sottomissjonijiet jibqgħu miftuħa sad-9 ta’ Awwissu.

Il-membri tal-pubbliku huma mħeġġa jsegwu l-paġna tal-FB tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal aktar aġġornamenti.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku jista’ jsegwi l-event page fuq Facebook.