Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival tal-Ktieb fis-Sajf – Għawdex, 2018

 

Għat-tieni sena konsekuttiva l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed itella’ l-Festival tal-Ktieb fis-Sajf ġewwa Għawdex. Dis-sena l-festival ser iseħħ fis-Sala tal-Eżibizzjonijiet fi ħdan il-Ministeru t’Għawdex (Victoria) bejn it-22 u t-23 ta’ Ġunju. Disa’ parteċipanti se jieħdu sehem fil-festival: MidseaBooks, Faraxa, Merlin, Pjattaforma, Heritage Malta, Horizons, Uptrend, SKS, u Agius and Agius. Il-festival se ikun miftuħ mill-10:00am sa s-1:00pm u mill-4:00pm sa s-7:00pm.

Il-Festival se jinfetaħ mill-On. Ministru t’Għawdex, Dr Justyne Caruana, u d-direttur eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, is-Sur Mark Camilleri. Programm kulturali mimli u varjat ġie mħejji li jinkludi qari ta’ siltiet ta’ proża u poeżija minn kittieba u poeti lokali, żjarat lejn siti ta’ interess kulturali u letterarju, u żewġ sessjonijiet ta’ palk ħieles organizzati b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed. Għadd ta’ attivitajiet letterarji oħra se jiġu mtella’ mill-parteċipanti.

L-membri kollha tal-pubbliku huma mħeġġa jattendu u jieħdu sehem fl-attivitajiet. Għal iktar tgħarif segwu l-paġna tal-Kunsill fuq Facebook kif ukoll is-sit elettroniku.