Wara li t-talba tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal-laqgħa mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar (MEIB) ma ntlaqgħetx, il-KNK qed jippubblika din l-istqarrija biex intennu l-pożizzjoni tagħna fuq id-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali.

Minbarra ċ-ċentralità għall-iżvilupp intellettwali, kulturali u edukattiv tal-pajjiż, l-industrija tal-kotba hija wkoll kontributur nett għall-prodott gross domestiku tal-pajjiż. Huwa fatt magħruf li l-gvern bħalissa qed jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-interessi tal-imsieħba tan-negozju. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq ifakkar lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Onorevoli Silvio Schembri, li l-industrija tal-ktieb magħmula minn negozji li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità, u kull deċiżjoni mill-Ministeru li taffettwa lill-industrija tal-ktieb għandha tkun rifless tal-ħtiġijiet tal-istess industrija.

It-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali se taffettwa l-aktar lill-industrija tal-pubblikazzjoni, u legalment il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-entità governattiva li tirrappreżenta l-pożizzjoni kollettiva tal-industrija fuq dal-livell. L-MEIB m’għandhiex xi tip ta’ leġittimità biex tittrasponi hi d-direttiva inkwistjoni. Barra minn hekk, il-KNK huwa entità fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u allura huwa loġiku li dan il-Ministeru għandu jieħu r-riedni f’idejh biex jittrasponi d-direttiva.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iżid li l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar m’għandux il-kompetenza, l-esperjenza u l-informazzjoni meħtieġa biex imexxi d-direttiva, u għalhekk kull azzjoni unilaterali min-naħa tiegħu indubbjament se ssarraf negattivament fuq l-industrija tagħna.


Share Article