Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Proġett tal-Qari Qabel Ħin l-Irqad

Nhar il-Ħamis 23 ta’ Jannar 2013, f’ċerimonja li fiha kienu preżenti l-Ministri tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa, il-KNK għadda numru ta’ basktijiet iddisinjati apposta għas-Sezzjoni tal-Parentscraft fl-Isptar Mater Dei. Dawn il-basktijiet jinkonsistu minn żewġ kotba ta’ stejjer għat-trabi u manwal għall-ġenituri. Dawn il-pubblikazzjonijiet kellhom jitqassmu lill-ommijiet kollha li kienu se jwelldu jew lil dawk li kienu għadhom kif welldu.

 

Wieħed mill-kotba huwa antoloġija ta’ stejjer kompletament illustrata . Din inkitbet minn awturi differenti u ġiet editjata minn Victor Fenech filwaqt li l-ktieb l-ieħor huwa antoloġija ta’ siltiet editjati mill-poeżiji ta’ Dun Karm b’illustrazzjonijiet ta’ Trevor Zahra. Il-manwal huwa gwida edukattiva għall-ġenituri u mfassal sabiex jgħinhom irawmu l-imħabba għall-qari u l-kotba f’uliedhom. Dan il-manwal ġie sponsorjat minn GlobalCapital Plc.

 

Barra minn hekk, b’konġunzjoni mas-Sezzjoni tal-Parentscraft, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jorganizza sensiela ta’ diskorsi u preżentazzjonijiet għall-qwiebel u għall-ommijiet tqal fuq l-importanza tal-qari għat-tfal imwielda u dawk li għadhom ma tweldux.

 

 

Għal aktar informazzjoni idħlu fil-link ta’ hawn taħt:
aqra ktieb qabel l-irqad
photo 1photo 2

photo 3photo 4.