Attività speċjali fl-ewwel jum tal-Festival tal-Ktieb fis-Sajf, 14 ta’ Lulju, ser tkun diskussjoni fuq il-kultura taż-żgħażagħ u l-letteratura, imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Pubblikaturi u l-kittieba se jieħdu sehem f’taħdita fuq il-letteratura u l-qarrejja żgħażagħ. Il-konverżazzjoni ser tmiss suġġetti differenti, iżda l-enfasi se tkun fuq il-litteriżmu fost iż-żgħażagħ, il-problema ta’ kif kittieba għandhom jindirizzaw kwistjonijiet taż-żgħażagħ mingħajr ma jkunu patronizzanti, kif ukoll il-problema li referenzi kulturali għandhom it-tendenza jitilfu s-sinifikat tagħhom jew ma jibqgħux jiġu użati mal-miġja taż-żmien.

 

Kitba għaż-żgħażagħ (letteratura YA) hija letteratura għal u dwar adoloxxenti u żgħażagħ, normalment bejn 12 u 18-il sena, iżda xi kultant anke iżgħar, u mixtrija minn adulti, 18 jew ikbar. Xi awturi ta’ suċċess isostnu li ma hemm l-ebda sigriet għall-kitba għaż-żgħażagħ. Il-preġju ta’ letteratura tajba qiegħed fil-kitba nnifisha u ma tagħmilx differenza għal min inkitbet. Madankollu, ħafna awturi YA, li jikkunsidraw kitba għall-adoloxxenti partikolarment sodisfaċenti,  konxjament isegwu regoli tad-deheb u strateġiji ta’ suċċess: ifittxu punti ta’ vista adatti għar-rakkont; jagħmlu ċert li l-età tal-karattru tkun dik tal-udjenza magħżula; jagħżlu l-vuċijiet b’reqqa kbira, liema vuċijiet jiddettaw l-għażla tal-lingwa; ma jżommux il-bogħod minn suġġetti iebsin; jevitaw il-priedka; dejjem iħallu skop għal tama.

 

Imma x’inhi d-differenza bejn letteratura għall-adulti u letteratura YA f’ dak li għandu x’jaqsam ma’ problemi ta’ kitba u rakkont? Għalfejn niktbu għaż-żgħażagħ? Biex ngħallmuhom jew bħala mezz ta’ escapism, kemm tal-kittieb kif ukoll tal-qarrej? Uħud mill-kittieb Maltin ta’ din it-tip ta’ kitba huma għalliema: huwa diffiċli li tinżamm distanza bejn letteratura bħala divertiment u letteratura għal skopijiet ta’ tagħlim?

 

Huwa kruċjali li kemm l-karattri kif ukoll ir-rakkont ikun konvinċenti? Huwa possibbli li dawn l-elementi jitilfu s-saħħa tagħhom bl-użu ta’ lingwaġġ u referenzi kulturali li jafu jitilfu ir-relevanza tagħhom mal-miġja taż-żmien? Jistgħu dawn il-limitazzjonijiet inerenti fil-lingwa jnaqqsu r-relevanza ta’ xogħol ta’ letteratura?

 

Kemm huwa diffiċli għal dawk il-kittieba li mhumiex midħla tat-teknoloġija moderna li jiktbu dwar l-użu ta’ din it-teknoloġija mill-karattri żgħażagħ fir-rakkonti tagħhom? Kif jista’ kittieb jaqsam id-distanza bejnu u l-qarrejja tiegħu f’dan l-aspett u jitkellem l-istess lingwaġġ teknoloġiku mingħajr ma jinstema’ falz? Ukoll, bit-tixrid ta’ siti soċjali ta’ kull tip, hemm ħafna kompetizzjoni għall-attenzjoni taż-żgħażagħ. Maż-żmien qed isir iktar u iktar iebsa tiġbed l-attenzjoni taż-żgħażagħ lil hinn mit-teknoloġija tal-kommunikazzjoni. X’jista’ jagħmel kittieb biex adulti żgħażagħ jagħżlu li jaqraw ktieb tiegħu (u mhux, ngħidu aħna, jintilfu jiflu n-newsfeed ta’ Facebook) u, barra minn hekk, kif jista’ jżommhom interessati fl-istorja sa l-aħħar?

 

Dawn u suġġetti oħra ser jiġu diskussi minn Tony Aquilina, Clare Azzopardi, Roberta Bajada, Simon Bartolo, Antoinette Borg, Leanne Ellul, Stephen Lughermo, Rita Saliba, Matthew Schembri, Sarah Springham, Loranne Vella u rappreżentati ta’ pubblikaturi lokali.

 

Kittieba emerġenti, kittieba stabbiliti, studenti, ġenituri u l-membri kollha tal-pubbliku huma mistiedna jipparteċipaw fid-diskussjoni (16:30, 14 ta’ Lulju), u jżuru l-Festival sabiex jaraw, iqallbu u jixtru l-kotba li ser ikunu għall-bejgħ matul il-Festival.

 


Share Article