Kummenti huma off għal din il-kariga

Jasmin B. Frelih fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus

Il-kittieb Sloven u rebbieħ ta’ bosta premji letterarji Jasmin B. Frelih hu il-mistieden speċjali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus li se jittella’ bejn il-21 u t-23 ta’ Marzu fil-quadrangle tal-Università. Din hi opportunità unika għal studenti u membri tal-pubbliku biex jiltaqgħu ma’ dan il-kittieb straordinarju, u biex jitgħallmu mingħandu hekk kif jaqsam l-esperjenzi tiegħu.

Matul il-Festival, Frelih se jieħu sehem fi tliet attivitajiet, imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb: workshop fuq il-kitba kreattiva fit-21 ta’ Marzu fil-10.00am, diskussjoni mal-poeta u kittieb lokali Immanuel Mifsud fuq il-letteratura tal-Jugoslavja fit-22 ta’ Marzu fit-3.00pm u intervista ma’ Noel Tanti dwar il-letteratura, il-ħajja u l-karriera fit-23 ta’ Marzu fil-5.30pm. Barra minn hekk, l-awtur se jkun il-mistieden speċjali ta’ sessjoni ta’ palk ħieles, imtella’ minn Inizjamed.

Jasmin B. Frelih twieled f’Kranj, Slovenja, fl-1986. Hu studja l-letteratura komparattiva u t-teorija letterarja u storja fil-Fakultà tal-Arti, fl-Università ta’ Ljubljana. L-ewwel rumanz tiegħu Na/pol (In/Half) ġie ppubblikat fl-2013 minn Cankarjeva Založba u kiseb attenzjoni konsiderevoli mill-medja, kif ukoll ħafna tifħir kritiku. Irċieva l-Premju għall-Aħjar Debutt Letterarju fil-Fiera Annwali tal-Ktieb fl-Islovenja, ġie magħżul bħala finalist għall-Premju tar-Rumanz tas-Sena u l-Premju tal-Ktieb tas-Sena. Sussegwentement ingħata l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Letteratura fl-2016.

Il-ġabra ta’ novelli Ideoluzije (Tiny Ideologies) ġie ppubblikat minn LUD Literatura fl-2015. Fil-ħames snin tiegħu bħala editur ta’ prosa fittizja għal-ġurnal ta’ riċensjoni letterarja I.D.I.O.T., ħadem ma’ wħud mill-aqwa kittieba u poeti tal-ġenerazzjoni letterarja Slovena ġdida. Novelli, esejs u traduzzjonijiet ta’ awturi Amerikani dehru f’ġurnali ta’ reċensjoni letterarja bħal Sloveni Sodobnost, Literatura u Dialogi. It-traduzzjonijiet tiegħu tal-poeżija Slovena għall-Ingliż ġew ippubblikati fi Banipal, Versopolis.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, u jinkludi tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar l-avvenimenti ta’ Frelih u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn (link).