Kummenti huma off għal din il-kariga

Jitnieda l-programm tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2019

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar il-programm tal-attivitajiet kulturali li se jsiru waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus (FKK19). Kif dejjem jiġri, il-festival se jsir fil-Kwadranglu tal-Università, did-darba fis-27, it-28 u d-29 ta’ Marzu. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Erbgħa 27 u l-Ħamis 28 mid-9am sal-4pm, u l-Ġimgħa 29 mid-9am sa tard billejl.

Il-programm mimli b’attivitajiet varji dwar suġġetti li żgur se jqanqlu interess mill-pubbliku, speċjalment dawk b’passjoni għal-letteratura u l-kotba, kemm studenti imma anki l-pubbliku ġenerali. Fost l-oħrajn se jkun hemm diskussjonijiet, preżentazzjonijiet, intervisti, qari animat, mixjiet iggwidati mal-librerija, kwizzijiet, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba.

Il-mistieden internazzjonali għall-FKK19 huwa l-poeta, kritiku letterarju u traduttur Brittaniku Rod Mengham, li se jkun qed jieħu sehem f’attivitajiet tul it-tlitt ijiem tal-festival. L-Erbgħa, fis-1pm, se jkun qed jiddiskuti ma’ Prof. Clare Vassallo u Kevin Saliba aspetti tat-traduzzjoni tal-poeżija. Il-Ħamis fl-10am jiltaqa’ ma’ grupp ta’ studenti universitarji u mill-Junior College, li se jaqraw mill-aħħar ktieb tiegħu Grimspound and Inhabiting Art (2018) waqt sessjoni ta’ klabb tal-kotba li jmexxu. Finalment, il-Ġimgħa fil-5.30pm Rod se jkun intervistat mill-poeta Antoine Cassar, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, dwar xogħlu u l-karriera tiegħu bħala poeta u kiritiku letterarju. Aktar tard, fis-6.45pm, Rod jipparteċipa waqt sessjoni oħra ta’ palk ħieles, organizzata minn Inizjamed.

Għal dawk midħla tal-lingwa u l-letteratura, mhux ta’ min jitlifhom l-attivitajiet li se jsiru l-Erbgħa. Waħda dwar il-kliem missellef mill-Ingliż fil-Malti, u l-oħra intervista mal-Prof. Oliver Friggieri dwar tfulitu, kif kitibha hu stess. Il-Ġimgħa mbagħad se jiġi diskuss il-ktieb li kiser rekords tal-bejgħ, Tħabbat Xtaqtek: djarju mill-eremitaġġ ta’ Gioele Galea. Il-kelliema se jiddiskutuh mil-lat tal-ispiritwalità Kristjana, l-etika u r-relazzjonijiet, kemm b’dispożizzjoni spiritwali kif ukoll sekulari. Fl-istess ġurnata l-poeta Antoine Cassar se jkun intervistat mill-Prof. Adrian Grima dwar Erbgħin Jum, li bih rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-poeżija fl-2018. Taħdita dwar il-ktieb Wiċċna ta’ Zvezdan Reljić mhux ta’ min jitlifha dakinhar.

Min tinteressah il-filosofija, hemm żewġ avvenimenti li jmissu jattendi. Il-Ħamis l-Għaqda tal-Malti – Università se ttella’ sessjoni oħra mis-sensiela ‘Filosofija bil-Malti’ mal-Prof. Joe Friggieri, u l-Ġimgħa f’12pm il-filosfi kontemporanji Kurt Borg, Francois Zammit u Robert Farrugia Flores se jitkellmu dwar kif il-kundizzjonijiet soċjali tal-lum jagħġnulhom il-mod kif jaħsbu, x’teħtieġ biex kun filosfu fl-2019, u dwar xiex qed jitkellmu l-filosfi kontemporanji barra minn Malta.

Il-Ġimgħa wkoll, fil-11am, kelliema ewlenin mill-qasam tal-produzzjoni tal-films, it-traduzzjoni u l-addattament (bħall-produttur Martin Bonnici, it-tradutturi Giselle Spiteri Miggiani u Prof. Clare Vassallo, u l-kittieb Teodor Reljić) se jiddiskutu l-film qasir Camilla, ibbażat fuq in-novella ta’ Clare Azzopardi li għandha l-istess isem. Hemm umoll żewġ attivitajiet oħra bbażati fuq anniversarji li jaħbtu fl-2019; iċ-ċentinarju mindu l-mara ngħatat id-dritt tal-vot fl-Istati Uniti, u mindu l-ewwel mara daħlet biex tistudja fl-Università ta’ Malta, u s-60 sena mit-twelid ta’ Barbie. Attivitajiet oħra waqt l-FKK19 se jkunu qed imissu suġġetti relatati max-xjenzi soċjali, il-pubblikazzjoni u l-qari tal-provi, l-Istorja, il-konservazzjoni tal-kotba u t-tagħlim.

Xi ħaġa ġdida għall-festival ta’ dis-sena hija l-eżebizzjoni ta’ taħżiżiet u illustrazzjonijiet oriġinali minn diversi artisti li ħadmu fuq il-qoxra ta’ kotba pubblikati f’Malta. L-eżebizzjoni se tkun miftuħa kuljum.

Bħas-soltu, l-FKK jagħlaq b’lejla ta’ mużika lajv, did-darba mill-grupp Malti The Busker, li jdoqqu bi stil influwenzat mix-xena tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, b’ħidma bejn il-KNK u l-Għaqda tal-Malti – Università, huwa miftuħ għal studenti, akkademiċi u l-pubbliku ġenerali. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-FB tagħna, jew is-sit (www.ktieb.org.mt). Niżżel il-programm f’verżjoni PDF minn hawn, jew għall-mowbajl minn hawn.