Kummenti huma off għal din il-kariga

Kjarifika dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019

Fid-dawl tal-kontroversja li nqalgħet rigward il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jikkjarifika xi punti li tqajmu fid-diskussjoni intensa fl-isfera pubblika u fix-xena letterarja tagħna.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jikkonferma li hekk kif jgħidu r-regoli, il-kotba li jidħlu għall-Premju jkunu qed jikkompetu billi jgħaddu minn tliet stadji differenti: l-ewwel stadju li huwa l-istadju tad-dħul, it-tieni stadju li huwa l-istadju tan-nominazzjoni u l-aħħar stadju li huwa l-istadju tar-rebbieħ. Ċarament, ir-regoli jagħtu l-jedd lill-aġġudikanti biex kotba li jkunu waslu fit-tieni stadju, jiġifieri l-istadju tan-nominazzjonijiet, mhux neċessarjament jgħaddu għall-aħħar stadju.

Fl-istess ħin il-KNK jammetti wkoll li fl-eżitu tal-Premju ta’ din is-sena, ħarġu xi difetti fis-sistema u r-regoli kif inhuma.

Il-Kunsill ma jaqbilx u qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li l-kummenti tal-aġġudikanti jkunu ppubblikati. Il-Kunsill lanqas jaqbel li l-ġurati għandhom ikellmu l-midja jew jispjegaw id-deċiżjoni tagħhom. Fl-istess ħin il-KNK jammetti li jista’ jkun hemm problemi f’din is-sistema tal-kummentarju u jirrimarka li dejjem se jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-ġurati tiegħu, liema deċiżjonijiet huma finali. Il-Kunsill qiegħed ukoll jiddiskuti s-sistema tal-kummentarju, liema sistema tista’ wkoll tinbidel, flimkien mal-introduzzjoni ta’ prassi ġodda mal-ġudikanti bħal ftehim ta’ kunfidenzjalità (NDA).