L-artist Gabriel Buttigieg ħa l-ispirazzjoni mill-ktieb ta’ missieru Alfred Dik il-Qtajra għall-aħħar xogħol viżiv tiegħu, xogħol li ttella’ f’wirja f’Diċembru li għadda, fil-Belt Valletta. F’dan l-avveniment tal-Festival fuq il-Kampus, il-missier u l-iben se jiddiskutu kemm it-test kif ukoll l-arti, bħala parti mill-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu fl-4.30pm fil-quadrangle tal-Università. L-avveniment se jieħu l-forma ta’ intervista u se jinkludi qari mit-test, akkumpanjat minn stampi tal-arti ta’ Gabriel.

Dik il-Qtajra kien ippubblikat għall-ewwel darba fl-1983 u dak iż-żmien kien iċċensurat, meqjus bħala xogħol sovversiv, irreverenti u sesswalment espliċitu. Il-ktejjeb ta’ 24 paġna miktub bl-idejn u illustrat b’tip ta’ doodles kien ippublikat minn Alfred Buttigieh innifsu u qatt ma wasal fuq l-ixkaffef pubbliċi peress li kemm il-ħwienet tal-kotba kif ukoll libreriji lokali rrifjutaw li juru l-ktieb fuq l-ixkafef tagħhom.

Issa l-ktieb reġa’ ingħata l-ħajja permezz ta’ Gabriel, li ħoloq serje ta’ tpinġijiet u pitturi bbażati fuq it-temi tal-ktieb – ir-rabja, il-vjolenza, is-sarkażmu u l-egoċentriċità, fost oħrajn. Hu jaqbad l-ispirtu tiegħu u jagħti espressjoni lill-viżjoni pessimista tiegħu u ta’ missieru tan-natura umana, f’xogħlijiet ta’ arti kemm monokromi kif ukoll bil-kulur.

Gabriel, li għandu 24 sena, dan l-aħħar ipproduċa serje ta’ xogħolijiet bl-isem Babies. Fl-2016 hu tella’ wirjiet solo Paintings u Nudes u ha sehem ukoll f’numru ta’ wirjiet kollettivi.

Fl-1981 Alfred ħoloq il-grupp teatrali Ateatru. Bejn l-2003 u l-2008 kien parti mill-kumitat li mexxa t-Teatru Manoel imma hu magħruf l-aktar bħala drammaturgu. Id-drammi l-aktar popolari tiegħu jinkludu Ir-Rewwixta tal-Qassisin, Ippermettili Nitlaq u Mela Hawn xi Manikomju?

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, u jinkludi tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar l-avveniment Dik il-Qtajra  u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn.


Share Article