Kummenti huma off għal din il-kariga

L-ISBNs u l-ISMNs b’xejn mill-1 ta’ Jannar 2020

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li mill-1 ta’ Jannar 2020 l-ISBNs u l-ISMNs kollha se jibdew ikunu bla ħlas.

Ir-regolamenti u l-istandards li mxejna bihom sa issa se jibqgħu kif kienu, jiġifieri min japplika għal ISBN jew ISMN irid jibgħat il-formola tas-soltu lil Michael Mercieca fuq [email protected] inkella bil-posta f’dan l-indirizz: ISBN – Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Librerija Ċentrali Pubblika, Triq Prof. Joseph J. Mangion, il-Furjana FRN 1800.

Tista’ timla l-formola tal-applikazzjoni għall-ISBN u/jew il-formola tal-applikazzjoni għall-ISMN.

Min jirreġistra għal ISBN jew ISMN irid jipprovdi lill-aġenzija tal-ISBN il-minimu tal-metadata meħtieġa għall-ISBN jew L-ISMN, u dan kif mitlub mill-manwal dwar l-istandard tal-ISBN (ara kapitlu 8, mill-Manwal għall-Utenti tal-ISBN). Il-metadata ma tistax tinbidel ladara l-ISBN jew l-ISMN ikun inħareġ, u jekk ikun hemm xi tibdil wara mela jkun irid jinħareġ ISBN jew ISMN ieħor.

Kull tip ta’ bejgħ mill-ġdid jew ridistribuzzjoni tal-ISBNs u l-ISMNs mhix permessa.

Kif diġà għedna, ir-regoli tas-soltu biex tapplika se jibqgħu l-istess. Madankollu ladarba s-servizz se jibda jkun b’xejn il-KNK qed jitlob ġentilment aktar koperazzjoni min-naħa tal-applikanti meta niġu fil-fażi biex nibdlu l-ISBN jew l-ISMN mal-metadata relevanti. Jekk l-applikant ma jżommx mal-proċeduri tal-aġenzija tar-reġistrazzjoni tal-ISBN (p.eż ma jipprovdix metadata kif sippost, jerġa’ jbigħ jew jittrasferixxi l-ISBNs), il-KNK jista’ jiddeċiedi li ma jassenjax aktar elementi ta’ reġistrazzjoni u/jew pubblikazzjoni lill-applikant. Il-KNK jirriżerva wkoll id-dritt li jwaħħal il-multi.

Aqra bir-reqqa l-Manwal għall-Utenti tal-ISBN billi tniżżlu minn hawn.

Għal aktar informazzjoni eżistenti żur is-sezzjoni tal-ISBN u tal-ISMN fuq dan l-istess sit.