Kummenti huma off għal din il-kariga

Konsultazzjoni Pubblika fuq it-tfassil tal-liġi tal-KNK 16/01/16

Bħalissa l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qiegħed fil-fażi ta’ konsultazzjoni mal-kittieba u l-pubblikaturi fil-proċess tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni fuq il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-KNK, li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni, inħoloq fl-2001 biex jikkoordina servizzi istituzzjonali li għandhom x’jasqmu mad-dinja tal-ktieb bħall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u d-distribuzzjoni tal-ISBN f’Malta. L-għan tal-KNK hu li jippromovi u jrawwem kultura ta’ qari tal-kotba fis-soċjetà.

F’dawn l-aħħar tliet snin il-KNK kompla jżid b’mod konsiderevoli l-attività tiegħu bir-riżultat li issa liġi li tindirizza l-eżistenza tal-KNK hija inevitabbli. Sabiex titfassal din il-liġi, il-KNK l-ewwel beda bi proċess ta’ diskussjoni interna. Il-punti tad-diskussjoni interna ġew diskussi mal-kittieba u l-pubblikaturi f’laqgħa ta’ konsultazzjoni fis-16 ta’ Jannar fil-Hotel Excelsior. Il-punti prinċipali li ġew imressqa mill-KNK kienu li l-kittieba u l-pubblikaturi jkollhom il-possibbiltà li jibnu l-aġenda rispettiva tagħhom separatament u jippreżentawha b’mod uffiċjali lill-KNK. F’din il-laqgħa, il-KNK talab lill-kittieba u l-pubblikaturi jressqu s-suġġerimenti tagħhom fuq x’jaħsbu li għandha tinkludi liġi rigward il-KNK, speċjalment fuq in-natura ta’ rikonoxximent uffiċjali lill-kittieba u l-pubblikaturi.

Fost id-diversi kwistjonijiet li l-kittieba talbu biex jiġu indirizzati hemm il-fatt li jħossuhom bla saħħa biex jitolbu mingħand il-pubblikatur tagħhom awditjar ta’ kemm inbiegħ il-ktieb tagħhom. Il-ħlasijiet lill-kittieba kien punt kruċjali wkoll għax ħafna kittieba jħossu li ma jiġux rispettati f’dan ir-rigward. Fuq dan il-parteċipanti kollha qablu li għandhom jitħarsu l-liġijiet u li hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jagħmlu kuntratt bejniethom u li wieħed għandu jikkonsidra l-kundizzjonijiet tas-suq.

Waqt din il-laqgħa l-KNK ippropona li jistgħu jsiru mekkaniżmi fil-liġi tal-KNK li b’mod uffiċjali jirrikonoxxi sindakat tal-kittieba u kollettiv tal-pubblikaturi. Dan ifisser li l-KNK jista’ jkollu mekkaniżmu legali fejn jirrikonoxxi uffiċjalment istituzzjoni nongovernattiva tal-kittieba u tal-pubblikaturi: dawn l-istituzzjonijiet għandu jkollhom ir-rwol li jistabbilixxu formalment l-aġenda tagħhom. Dan jista’ jkun pass tajjeb biex l-Istat jibda jagħti aktar saħħa lill-kittieba u l-pubblikaturi.

Kien hemm kunsens fuq il-fatt li jekk il-kittieba jkunu magħqudin f’istituzzjoni uffiċjali, id-drittijiet tagħhom ikunu mħarsin aħjar. Organizzazzjoni ġdida ta’ kittieba, Creative Writers’ Alliance Malta, kienet preżenti għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni u esprimiet il-proġett tagħha biex tikber bħala għaqda li tirrappreżenta l-kittieba u tpoġġi fuq quddiem l-aġenda tagħhom. Għaqda bħalma hi Creative Writing Alliance Malta jista’ jkollha ferm iktar saħħa fuq livell nazzjonali jekk din l-għaqda, b’numru kbir ta’ membri, tibda tieħu rwol istituzzjonali.

Diversi pubblikaturi talbu li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-infurzar tal-jeddijiet u d-drittijiet. Fuq din il-kwistjoni m’hemmx għalfejn isiru kambjamenti legali għax il-liġi tal-ħarsien tal-jeddijiet u d-drittijiet teżisti diġà u dak li hu nieqes huwa l-infurzar tal-liġi. Skejjel pubbliċi u privati qed jiksru l-jeddijiet u d-drittijiet tal-pubblikaturi u l-kittieba b’photocopying kontinwu ta’ testi edukattivi u dan il-ksur jirriżulta f’telf kbir ta’ introjtu lill-kittieba u lill-pubblikaturi. Il-kittieba u l-pubblikaturi talbu lill-KNK biex jieħu iktar azzjoni fuq din il-kwistjoni.

Qamet ukoll il-kwistjoni tad-distribuzzjoni u l-bejgħ tal-kotba fejn diversi pubblikaturi u kittieba qed isibu problemi serji. Fuq dan ir-rigward wieħed irid jikkonsidra l-kundizzjonijiet tas-suq u s’issa m’hemm l-ebda indikazzjoni li kwistjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu indirizzati legalment. Fl-istess ħin, kwistjonijiet kummerċjali mal-partijiet kollha tal-infrastruttura tas-suq tal-kotba jistgħu jiġu indirizzati aħjar b’eżistenza ta’ istituzzjonijiet nongovernattivi li jkunu rikonoxxuti mill-Istat.

Il-KNK se jkun qiegħed jorganizza laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni mal-kittieba fi Brussell fil-15 ta’ Marzu, fis-18:30, f’Dar Malta. Il-kittieba Maltin li jgħixu Brussell u fl-ibliet fil-viċinanzi huma mistiedna li jattendu għal din il-laqgħa sabiex jesprimu ruħhom u jpoġġu s-suġġerimenti fuq id-diskussjoni eżistenti rigward il-liġi tal-KNK. Il-kittieba li se jattendu għal din il-laqgħa huma liberi li jkomplu jiddiskutu l-punti li ġew diskussi diġà jew jiġu bi proposti u suġġerimenti oħra. Din il-laqgħa tista’ sservi wkoll ta’ opportunità għall-kittieba fi Brussell biex ikunu jafu iktar fuq l-inizjattivi u l-operat tal-KNK.

Il-KNK qed jippjana li l-ewwel abbozz tal-liġi jkun lest f’Mejju li ġej.

 

IMG_0671 IMG_0667 IMG_0666.