Kummenti huma off għal din il-kariga

Maria Grech Ganado u Clare Azzopardi fi Brussell

Fit-18 ta’ Marzu, f’ħanut tal-kotba li huwa ukoll ċentru kulturali u letterarju, Librebook – Bruxelles, żewġ kittieba magħrufa ser jieħdu sehem f’attività li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħejja f’ġieħ il-presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropeja. L-attività tibda’ fis-2 ta’ wara nofsinhar b’Clare Azzopardi li ser taqra siltiet minn Il-Qtates ta’ max-Xatt (2016, Merlin Publishers), Mingu (2015, Merlin Publishers), li rebaħ il-Premju Terramaxka 2016 fil-kategorija kotba oriġinali għat-tfal (0-7) u Ġużeppina (2011, Merlin Publishers). Għall-membri adulti tal-udjenza, Clare ser taqra siltiet minn Kulhadd halla isem warajh (2014, Merlin Publishers), kollezjoni ta’ stejjer li kollha jduru madwar il-personalitajiet imdawla u b’saħħithom tal-protagonisti nisa.

Wara Clare ser tidher Maria Grech Ganado li ser jaqra għadd ta’ poeżiji tagħha bil-Malti u bl-Ingliż. Maria hija mgħarufa sew kemm bħala poeta, kif ukoll bħala kittieba u intelletwali li għamlet kontribut enormi lill-pajjiż. Dan il-kontribut ġie mgħaruf uffiċjalment darbtejn – fis-sena 2000 meta rebħet l-MQR – Medalja għall-Qadi tar-Repubblika u fl-2016 meta rebħet il-Lifetime Achievement Award għax-xogħol letterarju tagħha. Ix-xogħol poetiku tagħha mhux imfaħħar biss mill-kritiċi izda huwa maħbub sew mill-qarrejja Maltin. Poeżiji bħal Jum San Valentin, Ix-Xwejħa u s-Suldat, Temminx Fiha, Għajrek huma mgħarufa għal kull Malti li jħobb u jaqra l-poeżija. Ma hemmx dubbju li dawk li ser iżuru Librebook -Bruxelles nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu ser jkollhom l-unur li jisimgħu l-vuċi unika ta’ waħda mill-ikbar poeti ta’ pajjiżna.

1azzo1ganado