
Għada t-3 ta’ Marzu ser jiġi ċċelebrat fir-Renju Unit il-Jum Dinji tal-Ktieb. Il-Jum Dinji tal-Ktieb kif rikonoxxut mill-UNESCO ser jiġi ċċelebrat madwar id-dinja kollha fit-23 ta’ April, għaldaqstant il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jieħu din l-opportunità biċ-ċelebrazzjoni tal-ktieb fir-Renju Unit sabiex jagħmel messaġġ favur il-qari u l-kotba.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħeġġeġ lill-Maltin biex jagħmlu użu mill-ħwienet tal-kotba lokali u mil-libreriji pubbliċi. Il-qari huwa importanti għal ħafna raġunijiet: il-qari tal-kotba ma jagħtix biss gost iżda anke edukazzjoni u tagħlim. Poplu li jaqra huwa poplu matur u intelliġenti.
Illum il-ġurnata wieħed faċilment jista’ jixtri ktieb mill-internet u żgur li x-xiri minn fuq l-internet sar realtà improtanti ta’ ħajjitna, imma huwa wkoll importanti li nużaw l-ħanut tal-kotba u l-librerija pubblika għaliex dawn huma istituzzjonijiet fundamentali għall-iżvillupp edukattiv, intelletwali u kulturali tas-soċjetà.
Bil-ħwienet tal-kotba mhux biss jinxtered iżjed il-qari u l-imħabba lejn il-ktieb, imma iddur wkoll l-ekonomija lokali tal-kotba li minnha jiddependu pubblikaturi, kittieba, illustraturi u distributuri. L-użu mill-ħanut tal-kotba tista’ tkun wkoll esperjenza sabiħa ta’ skopertà. Hija esperjenza sabiħa meta wieħed jew waħda tqalleb fiżikament f’numru ta’ kotba u jsib jew issib xi ħaġa ġdida u interessanti, u b’dan il-mod il-ħanut tal-kotba jaf joffri sens ta’ avventura. L-istess sens ta’ avventura tista’ toffrih il-librerija pubblika li hija istituzzjoni aċċessibbli minn kullħadd: m’hemmx bżonn tħallas biex tissellef ktieb, taqra u titgħallem mil-librerija pubblika. Irridu għalhekk naħsbu fil-qari u l-kotba bħala investiment fuq diversi livelli.
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, il-KNK ta wkoll xi donazzjonijiet ta’ kotba fosthom kotba bit-Taljan lil-librerija tal-Università ta’ Malta u kotba bil-Franċiż lis-Centre Franco-Maltais ġewwa l-Junior College fl-Imsida.