Kummenti huma off għal din il-kariga

Premju Nazzjonali tal-Ktieb u Premju Terramaxka – applikazzjonijiet

Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-Premju Terramaxka 2018. Bħal dejjem, l-applikazzjonijiet huma għal kotba ppubblikati is-sena ta’ qabel. Il-kotba jridu jkun pubblikazzjonijiet lokali li jaqaw taħt waħda mill-kategoriji tal-Premju.

Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sat-13 ta’ April 2018, bl- applikazzjoni kompluta u erba’ kopji tal-ktieb jew kotba sottomessi. Huwa importanti li l-applikant jindika l-kategorija t-tajba għal kull sottomissjoni. Hemm b’kollox seba’ kategoriji: Rumanzi, Novelli, Poeżiji, Drama, Traduzzjoni, Riċerka Ġenerali, u Riċerka Bijografika u Storjografika.

Kull kategorija jista’ jkollha aktar minn premju wieħed dment li l-kotba jaqbżu l-marka ta’ 90%. Dan jiżgura li xogħol ta’ kwalità baxxa ma jiġix ippremjat anke jekk jinzerta kemmxejn aħjar mill-bqija. Jista’ anke jagħti l-każ li l-ebda rebbieħ ma jintgħażel għal kategorija partikolari jekk il-livell meħtieġ ma ntlaħaqx minn l-ebda xogħol f’dik il-kategorija. Bord indipendenti, maħtur speċifikament u unikament għall-fini li jiddeċiedi l-Premju, jevalwa s-sottomissjonijiet skont sett ta’ kriterji. Kemm il-kriterji kif ukoll l-applikazzjonijiet u r-regolamenti jistgħu jitniżżlu mill-paġna tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fuq dan is-sit.

Din is-sena l-awturi kollha li jingħataw il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, inkluż il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti u l-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba, se jirċievu premju monetarju ta’ € 2,000, li huwa d-doppju tal-ammont allokat qabel. Ir-rebbieħ fil-kategorija tar-rumanzi se jirċievi wkoll fondi mill-Malta Arts Council għat-traduzzjoni tax-xogħol tagħhom.

Applikazzjonijiet, flimkien ma’ erba’ kopji tal-kotba sottomessi, għandhom jintbagħtu bil-posta jew jitwasslu bl-idejn lis-Sur Joseph Debattista fl-indirizz li ġej:

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

c / o Librerija Pubblika Ċentrali

Il-Professur Joseph J. Mangion Street

Floriana FRN 1800