Kummenti huma off għal din il-kariga

Rigal tal-Milied mill-KNK: Il-Manwal tal-Awtur

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jagħti r-Rigal tal-Milied tiegħu, fejn din is-sena huwa rigal intiż speċifikament għall-awturi b’manwal tekniku dwar id-drittijiet tal-awtur u l-industrija tal-kotba. L-għan ta’ dan il-manwal huwa primarjament sabiex jeduka lill-awturi dwar id-drittijiet tagħhom u s-suq tal-kotba billi juża prattiki komuni Ewropej bħala l-punt ta’ riferiment filwaqt li fl-istess ħin jagħmel referenzi għal eżempju mis-suq lokali tagħna. Issir referenza wkoll għal-liġi lokali dwar id-drittijiet tal-awtur li hija direttament sinkronizzata mal-leġiżlazzjoni attwali Ewropea dwar id-drittijiet tal-awtur.

Dan il-manwal mhuwiex intenzjonat sabiex iservi bħala l-gwida deskrittiv definittiv dwar is-sitwazzjoni tas-suq lokali għaliex xi wħud mill-aspetti kummerċjali deskritti fih huma meħuda mill-kuntest Ewropew. Is-suq tal-kotba ta’ Malta huwa limitat fejn jidħol daqs, imma f’ambjent li qed jinbidel u li qed isir aktar internazzjonali permezz tat-traduzzjoni, qed jiġu introdotti kunċetti u miżuri ġodda. Minħabba li l-pubblikaturi f’Malta huma relattivament żgħar fid-daqs, u li prattikament kulħadd jaf lil kulħadd fis-suq tal-kotba, ir-relazzjoni tagħhom mal-awturi minn dejjem kienet ibbażata fuq kunsens reċiproku, imma dan ma jfissirx li l-pubblikaturi jista’ jkollhom nuqqas ta’ standards professjonali, speċjalment fejn jidħlu kuntratti. L-istandards professjonali għandhom ikunu dejjem hemm għall-fini tal-aqwa prattiku u għal ambjent tas-suq f’saħħtu u sigur. Għarfien dwar l-istandards professjonali u kunċetti legali bażiċi se jgħinu biex dawn ir-relazzjonijiet u l-kwalità tal-prodott jitjiebu. Jalla dan il-gwida jgħin lill-awturi sabiex dejjem aktar jifhmu d-drittijiet tagħhom, l-isfidi u r-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom f’ambjent dinamiku tas-suq.