Kummenti huma off għal din il-kariga

Ros Barber fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017

 

Il-poeta, kittieba u akkademika Ros Barber se tidher f’attività tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017 fejn se titkellem ma’ James Corby, senior lecturer u kap tad-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta, dwar il-kotba tagħha, kif ukoll dwar it-temi u l-ħsibijiet li jolqtuha bħala kittieba kontemporanja. Din l-attività ser iseħħ fis-Sala Sir Temi Zammit, MCC, il-Belt Valletta, nhar ta’ Sibt 11 ta’ Novembru f’nofsinhar.

Barber hija l-kittieba magħrufa ta’ The Marlowe Papers, rumanz f’għamla ta’ poeżija li jirrakonta fl-ewwel persuna bijografija fittizja ta’ Christopher Marlowe bħala William Shakespeare. Fl-2013, The Marlowe Papers ingħata l-Premju Desmond Elliott, ingħata wkoll, flimkien ma’ ktieb ieħor, Author’s Club Best First Novel Award u ġie imniżżel fil-lista twila ta’ finalisti għall-Women’s Prize for fiction.

It-tieni rumanz tagħha, Devotion, huwa imqiegħed f’xenarju futur fejn il-fundamentaliżmu reliġjuż wasal biex jiġi kklassifikat bħala forma ta’ mard mentali. Il-qarrej isegwi l-ħsibijiet ta’ Finlay Logan, psikologa li ġiet mitluba tivvaluta s-saħħa mentali ta’ mara żgħażugħa li splodiet bomba fuq karozza tal-linja u kkawżat il-mewt ta’ ħmistax-il adoloxxenti. Fl-istess ħin, Logan qed tibki l-mewt ta’ bintha f’inċident tat-traffiku. Barber tinseġ storja kommoventi ta’ luttu ma’ narrativa konvinċenti fuq ir-rwol tal-psikoloġija fil-medjazzjoni bejn ix-xjenza u r-reliġjon.

Barber kitbet ukoll tliet kotba tal-poeżija. L-aktar reċenti, Material, kien Poetry Book Society Recommendation. Il-poeżiji tagħha dehru f’ħafna pubblikazzjonijiet u antoloġiji. Dawn jinkludu Poems of the Decade ta’ Faber u The Poems of Sex tal-Penguin.

It-taħdita se tkun imżewwqa b’interventi ta’ qari ta’ siltiet mix-xogħol ta’ Barber – kemm proża kif ukoll poeżija. Fl-aħħar se jkun hemm sessjoni ta’ mistoqsijiet mal-kittieba u l-membri tal-pubbliku jkollhom l-opportunità li jixtru l-kotba ta’ Barber iffirmati mill-awtur.