Kummenti huma off għal din il-kariga

Tiġdid tal-Fond Malti tal-Ktieb – Fetħu l-Applikazzjonijiet

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb il-ġdid issa hi miftuħa. Il-Fond, żviluppat apposta biex jixpruna tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba, dis-sena se jkun qed iwessa’ l-għanijiet tiegħu, u l-valur totali tela’ għal €105,000. Dawn il-fondi jinkludu għotjiet għall-pubblikazzjoni u għat-traduzzjoni.

Iċ-ċokon relattiv tas-suq lokali tal-kotba sfortunatament jillimita l-kapital disponibbli għal pubblikazzjonijiet ta’ kwalità, riċerka u żvilupp, traduzzjoni u marketing. Dan ifisser li l-awturi lokali, tradutturi u pubblikaturi jkollhom jagħżlu bejn li jżommu jdejhom minn proġetti ambizzjużi, inkella jieħdu riskji finanzjarji kbar biex jagħtuhom il-ħajja. Fl-isforz tiegħu biex dawn l-awturi, tradutturi u pubblikaturi ma jaqtgħux qalbhom minn dal-proġetti minħabba raġunijiet ekonomiċi, il-KNK qiegħed għal darb’oħra jiftaħ s-sejħa pubblika għal applikazzjonijiet tal-Fond Malti tal-Ktieb biex inkabbrulhom il-kunfidenza ħalli imexxu b’dawn l-inizjattivi u l-proġetti tagħhom.

Qed nilqgħu sottomissjonijiet għal Għotjiet għall-Pubblikazzjoni u Għotjiet għat-Traduzzjoni (kategoriji: Traduzzjoni ta’ kotba Maltin u Traduzzjoni għall-Malti). Dawn l-għotjiet fi ħdan il-Fond Malti tal-Ktieb isegwu l-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba u se jkunu miftuħa għal xogħlijiet tal-finzjoni, letteratura mhux fittizja u riċerka akkademika. Il-fondi jingħataw lill-applikanti li jkollhom suċċess wara proċess kompetittiv ta’ aġġudikazzjoni.

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ġew allokati s-somma totali annwali ta’ €50,000 bil-għan li jwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ letteratura u/jew xogħlijiet akkademiċi ta’ kwalità. Tingħata preferenza lil xogħlijiet ambizzjużi li jkollhom valur kulturali għoli u relevanza għas-suq lokali b’mod immirat, partikolarment jekk dal-proġetti jkunu qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet ta’ natura kummerċjali. Il-fondi jilqgħu applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ finzjoni, fosthom rumanzi, poeżija, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja u rumanzi grafiċi, kif ukoll kotba akkademiċi li jinkludu monografi, ġabriet editjati u edizzjonijiet kritiċi. Kotba li jkun fihom biss xbihat jew tal-fotografija mhumiex eliġibbli.

L-għotjiet ġodda għat-Traduzzjoni fi ħdan il-Fond Malti tal-Ktieb ġew allokati s-somma totali annwali ta’ €40,000 għal applikazzjonijiet għat-traduzzjoni ta’ kotba Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u li jkollhom ISBN Malti) f’kull ilsien ieħor, bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà internazzjonali tal-kitba kreattiva u akkademika Maltija. Min-naħa l-oħra, il-kategorija l-oħra għal traduzzjonijiet ta’ kotba f’kull ilsien għal dak Malti ġiet allokata s-somma totali annwali ta’ €15,000, u dan biex jitwieżnu t-tradutturi Maltin li jridu jagħtu aċċess lill-pubbliku li jaqra bil-Malti għal xogħlijiet letterarji internazzjonali.

Dawk l-applikanti interessati mħeġġa jaqraw bir-reqqa l-Linji-Gwida u r-Regolamenti tal-għotjiet rispettivi għal aktar informazzjoni dwar eliġibbiltà u l-proċess tal-evalwazzjoni qabel ma japplikaw. Il-Linji-gwida u r-Regolamenti, il-formola tal-applikazzjoni u informazzjoni relevanti oħra jistgħu jitniżżlu mis-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb.

Il-fondi kollha mogħtija mill-Fond Malti tal-Ktieb jistgħu jiffinanzjaw sa 100% tal-proġett propost, b’għotja massima ta’ €5,000. Bord indipendenti tal-aġġudikazzjoni maħtur apposta se jevalwa kull proġett fi proċess rigoruż li jaċċerta kemm il-valur tal-proġett kif ukoll ir-rekwiżiti finanzjarji. L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi tiġi ppubblikata fi żmien erba’ ġimgħat minn meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.

Is-sejħa għall-applikazzjonijet tagħlaq nhar it-Tlieta 30 ta’ Ġunju f’nofsinhar.