‘Xi Qrajt dan l-Aħħar?’ huwa programm tat-TV ta’ 10 minuti li jixxandar kuljum fost il-ġimgħa. Waqt il-programm mistiedna minn kull qasam tas-soċjetà jiġu u jitkellmu dwar ktieb jew kotba li jkunu qraw dan l-aħħar, jew anki li jkunu qed jaqraw. Il-preżentatriċi, Antonella Axisa, tistaqsihom dwar plot, temi jew l-istruttura tal-ktieb li jġibu magħhom, biex b’hekk l-udjenza tkun tista’ tifhem aħjar x’hemm fil-ktieb. Minbarra dan, il-mistiedna jitkellmu dwar xi jħobbu jaqraw, jew xħin jaqraw, u dwar il-preferenzi tagħhom bħala qarrejja.

Fi staġuni mgħoddija tal-programm, wieħed seta’ jinnota li l-programm kien ikun 5 minuti u mxandar darba fil-ġimgħa biss, filwaqt li l-mistiedna kienu dejjem mill-qasam tal-industrija tal-kotba. Did-darba l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iddeċieda li l-programm jirduppjah fil-ħin, u jxandru kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. L-għan kien biex ikun hemm aktar varjetà fin-nies mistiedna, u b’hekk il-kotba li jitkellmu dwarhom jolqtu sezzjonijiet aktar wesgħin mis-soċjetà. Fil-fatt f’dan l-istaġun kien hawn mistiedna mill-qasam tal-mużika, is-saħħa u l-benessri, it-tagħlim, il-filosofija, l-avventura u l-mediċina, fost oħrajn. Kull min jaqra b’mod frekwenti kien eliġibbli li jkun fuq il-programm.

L-episodji kollha ta’ dan l-istaġun ta’ ‘Xi Qrajt dan l-Aħħar?’ ġew iffilmjati fil-Librerija Ċentrali Pubblika l-Furjana, u xxandru fuq TVM2 kuljum fis-7.30pm, b’ripetizzjonijiet fuq TVM, minn Ottubru sa Diċembru 2018. Wieħed jista’ jara l-episodji kollha mill-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, jew mill-Youtube tal-Kunsill.

‘Xi Qrajt dan l-Aħħar?’ kien l-ewwel inizjattiva fuq it-TV mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, bl-ewwel programm tas-sensiela jixxxandar f’Novembru tal-2015, bil-mistieden ikun il-kittieb Walid Nabhan. Minn dakinhar il-programm kiseb popolarità mal-pubbliku.