Kummenti huma off għal din il-kariga

Xogħol Awdjoviżiv 2019 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb: il-Konkors Letterarju ta’ Films Qosra u s-Sejħa għall-Applikazzjonijiet għas-Sensiela ta’ Dokudrama 2019 tal-KNK

Bħala parti mill-plan tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex fl-2019 jibqa’ jipproduċi xogħol awdjoviżiv li jippromwovi lill-awturi fuq ix-xandir kummerċjali u pubbliku, qed inniedu bi pjaċir is-sejħiet għall-applikazzjonijiet għal żewġ inizjattivi għal dis-sena: il-Konkors Letterarju ta’ Films Qosra u s-sejħa ġdida għal Sensiela ta’ Dokudrama 2019 tal-KNK. L-applikazzjonijiet għaż-żewġ inizjattivi jibqgħu jintlaqgħu sat-30 ta’ Marzu. Aktar dettalji Hawn taħt.

Il-Konkors Letterarju ta’ Films Qosra 2019

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fetaħ is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Konkors Letterarju ta’ Films Qosra 2019. Il-kompetizzjoni titlob lil timijiet li jipproduċu l-films biex jissottomettu screenplay, flimkien ma’ pjan ta’ proġett, għal film ibbażat fuq novella Maltija ppubblikata. Il-film propost għandu jkun ta’ bejn 15 u 20 minuta u l-iscreenplay għandu jkun bil-Malti. Huwa importanti ħafna li l-pjan tal-proġett jinkludi baġit sħiħ u l-iskedi taż-żmien għall-proċess ta’ produzzjoni.

Is-sottomissjoni rebbieħa tirċievi fondi ta’ € 20,000 mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), li jinkludu spejjeż ta’ loġistika, dawl u elettriku. Il-KNK se jalloka wkoll għotja ta’ € 1,000 lill-awtur tal-novella oriġinali bħala kumpens għall-użu tal-istorja tagħhom. Bord ta’ aġġudikazzjoni magħmul minn tliet ġurati se jinħatar mill-KNK għall-iskop li jagħżlu l-aħjar sottomissjoni. It-tim rebbieħ jirċievi kemm finanzjament kif ukoll konsultazzjoni sabiex jipproduċi l-film fil-ħin għall-ewwel screening tiegħu waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2018 (6- 10 ta’ Novembru 2019).

It-timijiet li jissottomettu l-proposta tagħhom irid ikollhom esperjenza preċedenti fit-tfassil tal-films u l-proposta għandha tkun ibbażata fuq test Malti li ġie ppubblikat f’forma ta’ ktieb. It-test oriġinali tal-istorja jista’ jkun kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti iżda l-iscreenplay, apparti d-djalogu, għandu jkun bil-Malti.

L-applikanti huma mitluba jniżżlu kopja tal-applikazzjoni u jibagħtuha, flimkien mal-iscript u l-pjan tal-proġett, lil Michael Mercieca sat-30 ta’ Marzu 2019 f’ dan l-indirizz: Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, Prof. Triq J. Mangion, Floriana, FRN 1800. Erba’ kopji stampati tal-applikazzjoni u d-dokumenti l-oħra għandhom jintbagħtu sabiex l-applikazzjoni tkun ipproċessata. Għal aktar informazzjoni rigward il-proċess tal-għażla aqra l-kriterji tal-għażla hawnhekk.

Is-Sensiela ta’ Dokudrama 2019 tal-KNK (ġdida!)

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iniedi s-sejħa għall-applikazzjoni biex tintgħażel kumpanija ta’ produzzjonijiet awdjoviżivi biex tipproduċi sensiela ta’ dokudrama magħmula minn tmien episodji. It-tema għandha tkun il-Letteratura Maltija, li l-proġett se jkun qed jimmira li jippromwoviha billi joħloq relazzjoni kollaborattiva bejn il-letteratura u l-produzzjoni tal-films fl-addattamenti letterarji. Kull episodju għandu jiffoka fuq awtur u x-xogħlijiet tiegħu jew tagħha, u jiddrammatizzah filwaqt li jqiegħdu f’kuntest artistiku.

L-awturi li jidhru fl-episodju jridu jkunu rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-aħħar ħames edizzjonijiet (2013-2018), u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriżerva d-dritt li jkollu sehem fl-għażla editorjali. Kull episodju għandu wkoll ikollu intervista mal-awtur magħżul għall-episodju. Din l-intervista trid tinġibed f’postijiet differenti, f’kuntesti differenti. Il-punt fokali tal-episodju jrid jibqa’ l-ħsibijiet, l-ideat u x-xogħol tal-awtur. L-appikazzjoni magħżula tkun mistħarrġa wkoll mill-awtur magħżul, u l-iskript irid ukoll ikun approvat minnu jew minnha.

Biex japplikaw il-kandidati prospettivi jridu jissottomettu l-pjan tal-proġett, li jinkludi rendikont finanzjarju u ittra ta’ intenzjoni li tiddeskrivi l-proposta u l-għażla tal-awturi proposti. Kull tip ta’ informazzjoni oħra li żżid fil-valur tal-applikazzjoni tal-kumpanija awdjoviżiva għandha tiġi sottomessa wkoll. Il-kumpaniji li se japplikaw mistenni li jkollhom diġà esperienza fi produzzjonijiet awdjoviżivi, u tingħata preferenza lil kumpaniji li pproduċew films letterarji jew films ibbażati fuq il-letteratura. It-tim magħżul se jkun responsabbli għat-tlestija tad-dokudrama, inkluż l-iżvilupp u x-xogħol ta’ wara l-produzzjoni, u jrid jagħti kopja kompluta tal-proġett lill-KNK qabel il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Novembru tal-2019.

Il-proposta li tintgħażel tirċievi €10,000 għal kull episodju f’fondi mill-KNK, li għandhom ikopru spejjeż ta’ dawl, loġistika, dettalji tekniċi u l-kwota mitluba mill-awtur (din tal-aħħar trid tiġi allokata lill-awtur ta’ kull episodju bħala parti mill-fondi allokati għal kull episodju, bħala kumpens għall-parteċipazzjoni tal-awtur fil-film u talli intuża x-xogħol tiegħu/tagħha).

Is-sensiela tad-dokudrama tixxandar fuq stazzjon ewlieni tat-TV, u d-drittijiet tal-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni tad-dokudrama jinżammu esklussivament mill-KNK. Matul il-perjodu tal-produzzjoni, it-tim irid iżomm kuntatt mal-KNK biex ikun żgurat li l-proġett qed jiżviluppa skont il-proposta u skont il-kriterji u r-regoli tal-applikazzjoni.

Niżżel il-formola tal-applikazzjoni u d-dokument dwar x’inhu mitlub u l-kriterji tal-għazla minn hawnhekk.

Applika billi tibgħat il-pjan tal-proġett lil Michael Mercieca sat-30 ta’ Marzu 2019 fuq michael.mercieca[email protected], jew bil-posta lill-KNK fuq: Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Librerija Ċentrali Pubblika, Triq Joseph Mangion, il-Furjana, FRN 1800.