Kummenti huma off għal din il-kariga

Żomm dad-dati: Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 // Toħroġ il-formola għall-esebituri

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qiegħed iħabbar bi pjaċir id-dati għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li dis-sena se jseħħ bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran il-Belt. Fetħu wkoll l-applikazzjonijiet għall-esebituri li jridu jipparteċipaw f’din l-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni hija miftuħa għall-pubblikaturi, distributuri tal-kotba, ħwienet tal-kotba u aġenziji tal-kotba. Għaqdiet mhux govvernattivi (NGOs) u entitajiet pubbliċi li l-kamp tal-attività tagħhom jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ materjal letterarju jew il-promozzjoni tal-letteratura huma wkoll eliġibbli biex japplikaw.

Dawk kollha interessati jieħdu sehem huma mħeġġa biex japplikaw kmieni u jippreżentaw, flimkien mal-applikazzjoni tagħhom, lista dettaljata ta’ attivitajiet li jixtiequ jinkludu fil-programm kulturali tal-Festival. Dawk l-applikazzjonijiet li jiddaħħlu kmieni jistgħu jingħataw preferenza fil-programm tal-attivitajiet.

Il-Formola tal-Applikazzjoni bir-regolamenti aġġornati għall-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 tista’ titniżżel minn hawnhekk. Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa t-termini u l-kundizzjonijiet qabel ma tapplika.

Filwaqt li t-tħejjijiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 issa qabdu r-ritmu sew, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb konxju li jista’ jkun hemm xi bidliet fil-pjanijiet jekk l-awtoritajiet jagħtu struzzjonijiet biex jiġu evitati folol pubbliċi. Segwi s-sit tagħna u l-paġna tal-Facebook sabiex tkun aġġornat xi jkun se jiġri.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar eliġibilità għall-parteċipazzjoni mitlub li tikteb lil Matthew Borg ([email protected]) jew lil Andrew Ricca ([email protected]). 

L-applikazzjonijiet għandhom jimtlew sew u jinthemżu f’email lil Michael Mercieca ([email protected]) jew jintbagħtu bil-posta fl-indirizz li jidher hawn taħt, sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2020 f’nofsinhar (12pm).

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Il-Librerija Pubblika Ċentrali, Triq Prof. Joseph J. Mangion, Il-Furjana, FRN 1800, MALTA.