Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (PNK) 2020 kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-Premju Terramaxka (PT) 2020. Bħal dejjem, l-applikazzjonijiet huma għal kotba ppubblikati s-sena ta’ qabel, jiġifieri għal din l-edizzjoni jridu jkunu kotba ppubblikati fl-2019. Il-kotba jridu jkun pubblikazzjonijiet lokali, bil-Malti jew bl-Ingliż, li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li huma aċċettati fil-PNK u fil-PT.

Il-premji jingħataw lil dawk l-awturi ta’ pubblikazzjonijiet li jiġu ġġudikati bħala prodotti ta’ valur letterarju u kulturali għoli, dejjem skont il-kriterji assoċjati mal-kategorija. Jinħatar bord indipendenti ta’ aġġudikazzjoni li xogħlu jkun speċifikament li jaġġudika l-Premju u jevalwa s-sottomissjonijiet skont damma ta’ kriterji apposta għal kull kategorija. Il-kriterji, ir-regolamenti u l-applikazzjoni tista’ tniżżilhom minn hawnhekk.

Dis-sena se jkun hemm bidla oħra fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb: il-kategorija tal-Poeżija nqasmet fi tnejn separati: Poeżija bil-Malti u Poeżija bl-Ingliż. Issa hemm b’kollox disa’ kategoriji fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti: Rumanzi, Novelli, Poeżiji bil-Malti, Poeżiji bl-Ingliż, Drama, Letteratura mhux Fittizja, Traduzzjoni, Riċerka Ġenerali, u Riċerka Bijografika u Storjografika. Imbagħad hemm sitt kategoriji fil-Premju Terramaxka għat-Tfal u l-Adoloxxenti: tliet kategoriji ta’ xogħlijiet oriġinali għat-tfal u l-adoloxxenti skont l-età, u tliet kategoriji oħra ta’ kotba għat-tfal u l-adoloxxenti skont l-età (0–7, 8–12 and 13–16), did-darba għal xogħlijiet maqlubin għall-Malti.

L-għotja allokata għal kull kategorija tal-Premju (fosthom il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, Il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba, iżda esklużi l-kategoriji tat-traduzzjoni tal-Premju Terramaxka) hija ta’ €4,000, filwaqt li l-kategoriji tat-traduzzjoni għat-Terramaxka jieħdu l-premju ta’ €2,000.

Il-Premju Poeta Lawreat jingħata lir-rebbieħ fil-kategorija tal-poeżija fil-PNK jekk dan ikun diġà rebaħ premju jew ieħor fil-PNK fil-passat. Ir-rebbieħ jingħata t-titlu ta’ Poeta Lawreat u s-somma ta’ €4,000 maqsumin f’erba’ ħlasijiet indaqs kull sena. Il-poeta jkun marbut li jikteb ammont sostanzjali ta’ poeżija li jkun ippubblikat f’ġabra waħda.

Jista’ jkun hemm rebbieħ wieħed f’kull kategorija, u ma jistgħux jingħataw aktar minn premju wieħed f’kull kategorija. Jista’ jagħti l-każ li l-ebda rebbieħ ma jintgħażel għal kategorija partikolari jekk il-livell meħtieġ ma jintlaħaqx minn l-ebda xogħol finalist f’dik il-kategorija, u dan dejjem skont ir-regolamenti u l-kriterji tal-Premju.

Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sat-Tnejn, 20 ta’ April 2020 f’nofsinhar, bl-applikazzjoni kompluta u erba’ kopji tal-ktieb jew kotba sottomessi. Huwa importanti li l-applikant jindika l-kategorija t-tajba għal kull sottomissjoni.

Ibgħat l-applikazzjoni f’dan l-indirizz:

Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Attn. Is-Sur Michael Mercieca

c / o Librerija Pubblika Ċentrali

Il-Professur Joseph J. Mangion Street

il-Furjana FRN 1800


    Share Article