Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 huwa esperjenza unika għat-tfal u l-familji, fejn il-letteratura, u l-arti viżwali u performattiva jitwaħħdu

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-ispazju fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jesperjenzaw il-letteratura fil-forom kollha tagħha – u jinkludi adattazzjonijiet għat-teatru u arti performattiva. Il-promozzjoni tal-imħabba lejn il-kotba fost it-tfal u l-adolexxenti hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Festival u għalhekk f’din l-edizzjoni se jkun hemm sensiela ta’ attivitajiet skont l-età, li jagħtu gost u edukattivi li se jieħdu forom ġodda.

Il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ ŻiguŻajg fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ ŻiguŻajg u l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed jingħaqdu! Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jingħaqad ma’ ŻiguŻajg biex iwassal lit-tfal u l-familji li jżuru l-Festival fl-MFCC produzzjonijiet teatrali divertenti u edukattivi, kif ukoll produzzjonijiet speċjali adattati mill-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2022, dedikati speċjalment għall-istudenti mill-iskejjel f’Malta u Għawdex.

Żigużajg se jkun qed iħejji l-programm speċjali għat-tfal tal-iskola u l-edukaturi li rreġistraw għall-attivitajiet ta’ matul il-ġimgħa fil-ħinijiet ta’ filgħodu. Fosthom hemm produzzjoni ‘iltaqa’ mal-awtur’ li permezz tagħha it-tfal tal-iskola se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-mistieden internazzjonali, l-awtur ta’ The Boy in the Striped Pyjamas John Boyne. It-teatru tal-Festival se jilqa’ wkoll matul tmiem il-ġimgħa l-prestazzjoni ta’ żfin Coco the Singer, the Chocolate Finger, ispirata mill-ġrajja tal-ktieb ta’ Andrew Rausi, The Rise of the Baker’s Dozen, b’koreografija u produzzjoni ta’ Pamela Kerr. Din hija parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, u tista’ tixtri biljett għaliha minn hawnhekk.

L-ewwel spettaklu matul il-ġimgħa fil-ħinijiet ta’ filgħodu se jkun immirat għal tfal sal-età ta’ tmien snin u huwa bbażat fuq il-ktieb Ride the Feeling (Merlin Publishers), tal-awtriċi Auntie Sab, b’illustrazzjonijiet ta’ Emma Galea Naudi, rebbieħ tal-kategorija ‘Xogħlijiet Oriġinali għat-Tfal bejn 0-7 snin’. It-tieni spettaklu mmirat għal tfal minn tmien snin ’il fuq u bbażat fuq il-ktieb Vjaġġ bil-Ballun (Horizons), rebbieħ fil-kategorija ‘Xogħlijiet Oriġinali għal Tfal bejn 8-12-il sena’. Prickly Pear Productions huma d-diretturi li adattaw iż-żewġ produzzjonijiet teatrali. Nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Novembru, it-tfal tal-iskola se jkollhom tistenniehom produzzjoni teatrali speċjali li fiha l-awtur John Boyne se jkun mistieden speċjali, waqtha se jaqra silta minn The Boy in the Striped Pyjamas u se jwieġeb għall-mistoqsijiet mill-udjenza. L-illustratur Gattaldo se jkun ukoll qed ipenġi dak il-ħin stess għall-udjenza. Id-direttriċi ta’ din il-produzzjoni hija Rebecca Camilleri.

Aktar minn 10,000 student ibbukkjaw għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, numru li huwa l-akbar wieħed fl-istorja tal-avvenimenti marbuta mal-kotba. It-tfal tal-iskola se jkollhom biżżejjed ħin biex jaraw il-produzzjoni teatrali u jduru qalb il-kobta. Kull student irreġistrat se jingħata vawċer ta’ €5 li jissarraf għand l-esebituri waqt il-Festival.

Kollaborazzjonijiet oħra

Kull produzzjoni teatrali hija bi stimulazzjoni baxxa, imfassla biex toħloq esperjenza artistika inklussiva u li tilqa’ lil kulħadd. Il-Festival, f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Inspire, se joffri wkoll kamra b’ambjent ideali għall-awtiżmu, li tippermetti lit-tfal fuq l-ispettru aċċess għal attivitajiet ta’ rakkuntar ta’ stejjer f’spazju sikur u inklussiv. Matul il-ħamest ijiem tal-Festival, il-Fondazzjoni Inspire se torganizza wkoll attivitajiet għal tfal fuq l-ispettru, fosthom sessjonijiet ta’ rakkuntar ta’ stejjer permezz ta’ moviment u żfin għal tfal bejn 3 u 6 snin u bejn 6 u 12-il sena rispettivament. Tfal akkumpanjati mill-ġenituri jew l-edukaturi biss huma permessi jidħlu f’din il-kamra.

Kollaborazzjoni ġdida oħra hija mal-Aġenzija tal-Ilma u l-Enerġija, li għandha programm ippakkjat b’avvenimenti għat-tfal u l-familji matul il-ħamest ijiem tal-Festival, b’sessjonijiet ta’ qari u rakkuntar ta’ stejjer immirati biex jaqsmu għarfien fuq il-bijodiversità u użu aktar effiċjenti tal-enerġija. L-avvenimenti se jkunu bil-Malti u bl-Ingliż. Dawn l-avvenimenti se jkunu qed iduru mat-tema ‘L-ILMA – Ibda Minnek’ (‘WATER – Be the Change’), kampanja edukattiva u li tqajjem għarfien fuq użu mtejjeb u effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma.

Avvenimenti oħra għat-tfal u l-familji waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jinkludu sessjonijiet bejn l-awturi u t-tfal u l-ġenituri organizzati minn Merlin Library, l-avveniment ta’ Pandora mal-awtriċi Lucienne Cassar, it-tnedija tal-ewwel ktieb mit-tifel ta’ disa’ snin Carl Thomas Tonna, it-tnedija ta’ Tita Tmiss l-Art (Kotba Calleja) ta’ Glen Calleja u Clare Azzopardi, sessjoni ta’ ffirmar tal-kotba personalment ma’ Gattaldo, l-awtur u l-illustratur ta’ Il-Ġurnalista, l-Istorja ta’ Daphne Caruana Galizia (Klabb Kotba Maltin). U waqt li tkun hemm, għaliex ma tibbukkjax post għall-ispettaklu bil-marjunetti organizzata minn Merlin Library?

Kotba u illustrazzjonijiet

Gattaldo se jagħti workshop esklussiv ta’ siegħa ta’ tpenġija għal tfal bejn seba’ u tnax-il sena. Minħabba li n-numru ta’ postijiet huwa limitat għal għoxrin, jekk jogħġbok irreġistra hawn. Karti u kuluri se jiġu pprovduti.

L-esibizzjoni From Illustration to Book, kollaborazzjoni bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti, se tipprovdi vetrina għall-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi li jaħdmu fl-industrija tal-pubblikazzjoni, fejn l-arti viżiva u l-letteratura jimxu id f’id. Fost il-wiri ta’ illustrazzjonijiet u disinji ta’ kotba kontemporanji, u l-evoluzzjoni tal-illustrazzjoni f’Malta mill-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer sal-lum, it-tfal u l-familji se jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-illustrazzjonijiet tal-karattri li mmarkaw it-tfulija ta’ ħafna tfal Maltin, jiġifieri Kunċett u Marinton, Fra Mudest, Il-Qtates ta’ max-xatt u Ir-Ronnie.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-akbar u l-aktar ċelebrazzjoni estensiva tal-kultura tal-ktieb f’Malta. Se jittella’ bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma dawn: minn nhar l-Erbgħa sal-Ħamis mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9pm; nhar il-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sal-10pm; nhar is-Sibt mid-9:30am sal-10pm; u nhar il-Ħadd mid:9:30am sat-8pm.

Qatt ma kienet aktar faċli li żżur il-Festival mal-familja – se jkun hemm parkeġġ kbir b’xejn fl-entratura tan-Nord taċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali. Kulħadd jista’ jasal sal-Festival permezz tat-trasport pubbliku grazzi għal rotot imtejba mill-Malta Public Transport. Se jkun hemm servizz ta’ shuttle mill-Belt Valletta, waqt li bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħadd se tiżdied il-frekwneza tar-rotot kurrenti li jgħaddu minn Ta’ Qali – rotta 202 (mir-Rabat sa Tas-Sliema); rotta 186 (mir-Rabat sa Buġibba); rotta 56 (mill-Belt Valletta sa Ta’ Qali); u r-rotta TQ1 (mill-Belt Valletta sa Ta’ Qali).

Il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ ŻiguŻajg huwa l-unika festival f’Malta mmirat speċifikament għat-tfal u ż-żgħażagħ, bi preżentazzjoni ta’ programm intriganti ta’ produzzjonijiet internazzjonali u xogħol ġdid ikkummisjonat, li jittella’ annwalment. Mindu beda fl-2010, il-programm tal-festival ta’ ŻiguŻajg dejjem issaħħaħ, u sar pedament tal-kalendarju kulturali kemm f’Malta kif ukoll lil hinn.

Il-programm sħiħ tal-avvenimenti għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 jinsab hawnhekk. Għall-aħħar aġġornamenti, jekk jogħġbok żur is-sit tal-KNK, il-paġna ta’ Facebook tal-KNK u l-paġna tal-avveniment Malta Book Festival 2022.


Share Article