Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għall-Jum Dinji tal-Ktieb 2017 u l-Jum il-Libreriji 2017, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħa sehem f’żewġ attivitajiet din il-ġimgħa – Festa ta’ Litteriżmu għat-tfal tal-iskola St Nicholas College Primary (Dingli), ko-organizzat mal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli fis-27 ta’ April u donazzjoni ta’ għadd kbir ta’ kotba ta’ valur letterarju u edukattiv għoli ħafna lil Malta Libraries fit-28 ta’ April.

Donation 1Donation 2

Id-deputat kap tal-kunsill Charles Calleja, flimkien mas-segretarju ġenerali, is-Sur Joe Debattista, ippreżentaw id-donazzjoni lid-deputat librar, is-Sinjura Margaret Zammit,  li aċċettat id-donazzjoni f’isem Malta Libraries. Id-donazzjoni kienet ta’ għadd tajjeb ta’ kotba, li ħafna minnhom kienu jew rebbieħa jew fost il-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb f’dawn l-aħħar snin.

Donation 3Donation 5

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħaddan it-twemmin li użu aktar infurmat u aktar ta’ spiss ta’ ħwienet tal-kotba lokali u libreriji pubbliċi minn membri tal-pubbliku jibbenefikaw is-soċjetà f’ħafna modi. Madankollu, sabiex jiżdiedu ż-żjarat fil-libreriji u l-ħwienet tal-kotba huwa importanti li dawn dejjem jinżammu mimlija b’kotba ta’ kwalità għolja u materjal interessanti. B’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ xogħlijiet lokali ta’ letteratura u ta’ riċerka għandha sservi ta’ inċentiv qawwi kemm għall-qarrejja kif ukoll għall-awturi għaliex din tiġġenera sens u spirtu ta’ kreattività fost il-komunitajiet lokali.

L-NBC jirringrazzja l-organizzazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq u Malta Libraries għall-ko-operazzjoni tagħhom f’dawn il-proġetti ta’ valur kulturali għoli ħafna.


Share Article