L-akkademiku u kittieb Brittanniku Patrick McGuinness ser ikun fost il-mistiedna speċjali għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena. Huwa twieled fit-Tuneżija fl-1968 lil omm Belġjana ta’ ilsien Franċiż u missier ta’ dixxendenza Irlandiża. Kiber fil-Belġju u għex għal xi żmien fil-Venezwela, l-Iran, ir-Rumanija u l-Ingilterra. Kien iż-żmien li qatta fir-Rumanija fejn ra b’għajnejh il-waqa’ tar-regime kommunista, li tah materjal indispensabbli għall-ewwel rumanz tiegħu, The Last Hundred Years. Dan il-ktieb ser jiġi ppreżentat mill-kittieb f’avveniment speċjali maħsub għalih fil-Festival. Il-kittieb ser jidher ukoll f avveniment ieħor – il-konferenza fuq Letteratura u Totalitarjaniżmu, flimkien ma’ tliet mistiedna oħra.

Patrick McGuinness huwa magħruf ukoll bħala akkademiku fil-qasam tal-letteratura Franċiża, fejn jispeċjalizza fil-poeżija simbolista. Qaleb għall-Ingliż ix-xogħolijiet ta’ Mallarmé, biċċa xogħol ta’ siwi kbir fl-istudju Ingliż tal-poeżija simbolista peress li kien diffiċli ferm qabel li wieħed isib traduzzjonijiet kredibbli tal-poeżiji ta’ Mallarmé. Ippubblika ukoll għadd ta’ ġabriet ta’ poeżiji. L-ewwel ġabra, The Canals of Mars dehret fl-2004. It-tieni waħda, 19th Century Blues, rebħet il-premju The Poetry Business Book and Pamphlet Competition 2006.

L-aħħar ġabra ta’ poeżiji hija Jilted City b’sekwenza msemmija Blue Guide li titratta vjaġġi bil-ferrovija li McGuinness għamel bħala żagħżugħ fuq il-linja storika, la ligne 162, bejn Brussell u Lussemburgu.

Membri tal-pubbliku ser ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Patrick kemm fil-konferenza fuq il-Letteratura u t-Totalitarjaniżmu nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Novembru fis-19:00, jew l-għada l-Ħamis 10 ta’ Novembru fis-19:00 fl-avveniment li ser isir f’ġieh il-kittieb fejn ser jiddiskuti r-rumanz tiegħu ma’ Dr James Corby u jwieġeb għall-mistoqsijiet mill-udjenza.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm kulturali tul il-ħamest ijiem tal-Festival:

Web: https://ktieb.org.mt/?page_id=139&lang=mt

Facebook: https://www.facebook.com/events/1951963831697045/


Share Article