Nhar il-Ħadd, 16 ta’ Novembru, 2014 fis-Sala Sagra Infermeria fid-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi saret iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet lir-rebbieħa tal-Konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ li kien organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb flimkien mal-Aġenzija Żgħażagħ.

 

Iż-żewġ rebbieħa tal-Konkors minn fost it-tmien manuskritti sottomessi kienu Stephen Lughermo bir-rumanz ‘X’aħna Smart’ li ġie kklassifikat l-ewwel u Leanne Ellul bir-rumanz ‘Gramma’. Huma ġew ippreżentati bi trofew simboliku, €1,000 fi flus u ċertifikat. Din is-sena għall-ewwel darba kif ħabbar fid-diskors tiegħu is-Sur Mark Camilleri, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb dawn ir-rebbieħa se jintbagħtu jattendu ‘workshops’ fejn se jkunu jistgħu jkattru aktar il-ħiliet tagħhom fil-kitba.

 

Fid-diskors tagħha is-Sinj. Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv Aġenzija Zgħażagħ qalet li kmieni s-sena d-dieħla se jerġa’ jiġi mniedi dan il-konkors li se jkun inizzjattiva sabiex kittieba emerġenti jkollhom iċ-ċans isibu għarfien għall-kitbiet tagħhom. Iż-żewġ manuskritti rebbieħa se jkunu ppubblikati minn pubblikaturi li jiġu magħżula wara sejħa ta’ espressjoni ta’ interess fil-Gazzetta tal-Gvern u gazzetti lokali.

 

Matul iċ-ċerimonja ġew moqrija siltiet mir-rumanzi rebbieħa.

 

 


Share Article