Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ifittex tliet (3) reċensuri li jiktbu bil-Malti għall-paġna letterarja tiegħu. Din il-paġna tiġi stampata fuq il-gazzetta ILLUM kull nhar ta’ Ħadd u ppubblikata online fuq is-sit tal-gazzetta ftit jiem wara. 

Bis-saħħa ta’ dil-paġna letterarja, il-KNK jimmira li jrawwem kultura letterarja b’saħħitha permezz ta’ analiżi kritika u argumenti ta’ sustanza. L-għan tal-paġna hu li tixgħel dawl fuq il-qagħda tal-letteratura Maltija fil-ġeneri diversi tagħha, dejjem b’suba’ fuq il-polz ta’ x’qed jiġi ppubblikat u diskuss fix-xena letterarja kurrenti.

Barra minn hekk, bil-paġna letterarja tiegħu l-KNK ta’ kull ġimgħa jistieden lill-pubbliku jaqra dwar il-letteratura u l-kittieba tiegħu, b’lingwaġġ aċċessibbli li madankollu mhuwiex sempliċi jew tal-wiċċ.

X’Nistennew mir-Reċensur

🖋️ Artiklu bil-Malti ta’ 800 kelma darba kull tliet ġimgħat, li għandu jiġi sottomess fil-ħin.

🖋️ Artikli dwar: i) ktieb letterarju jew ta’ ġeneru ieħor li jġorr ISBN Malti; jew, ii) diskussjoni tematika jew aħbarijiet mid-dinja tal-kotba f’rabta mal-kuntest Malti.

🖋️ Argumenti b’saħħithom mibnija fuq analiżi letterarja ta’ qari mill-qrib tat-test, li jistgħu jinkludu wkoll kummentarju usa’ dwar il-kultura letterarja Maltija.

🖋️ Kitba mirquma u vuċi distintiva li ma toqgħodx lura mill-kritika kostruttiva, li fl-istess ħin tasal u tinftiehem mill-qarrejja tal-gazzetta u l-mezzi soċjali.

Tista’ taqra l-linji gwida tar-reċensuri fl-intier tagħhom hawnhekk.

X’Qed Noffru lir-Reċensur

📓 Ħlas ta’ €150 (VAT eskluża) għal kull reċensjoni. 

📓 Kuntratt ta’ sena li jibda minn Frar 2025.

📓 Somma ta’ flus għax-xiri tal-kotba (€50 għal kull tliet reċensjonijiet).

Kif Tapplika

Jekk jogħġbok ressaq l-applikazzjoni tiegħek billi timla din il-formola online, u fiha inkludi:

✍️ Bijonota ta’ bejn 20-30 kelma.

✍️ Is-CV tiegħek.

✍️ Ittra qasira ta’ motivazzjoni.

✍️ Reċensjoni/jiet li ġew ippubblikati, jew kampjun/i ta’ 800 kelma (minimu ta’ waħda, massimu ta’ tlieta).

Għeluq tas-Sottomissjonijiet

Dis-sejħa tagħlaq nhar it-Tnejn, is-16 ta’ Diċembru 2024. 

Il-Proċess tal-Għażla

Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati skont damma ta’ kriteriji, li jinkludu:

🌟 Is-sengħa tal-kitba.

🌟 Id-distintività fil-vuċi.

🌟 Is-sustanza tal-kritika letterarja.

Jekk tixtieq tieħu idea tat-tip ta’ kitba li qed infitxxu, aqra dawn ir-reċensjonijiet miktuba minn Daniel Cossai u Mark Vella. Tista’ ssib aktar eżempji ta’ kontribuzzjonijiet li ġew ippubblikati fis-sezzjoni tal-Arti fuq l-ILLUM billi tfittex l-artikli mmarkati ‘Kotba’.

Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lil Jasmine Bajada fuq jasmine-alexa.bajada@gov.mt.


Share Article