Il-Bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019 ħadem qatigħ das-sajf sabiex finalment intgħażlu t-titli finalisti fit-tmien kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti u s-sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka (Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u l-Adolexxenti). It-titli tal-Premju Terramaxka jitħabbru nhar it-Tlieta, 5 ta’ Novembru fil-ftuħ uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019, filwaqt li r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti jitħabbru waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li ssir fil-Berġa ta’ Kastilja aktar tard din is-sena.

Il-lista mqassra tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-2019 li tħabbret aktar kmieni dan ix-xahar hija evidenza ta’ bidliet f’xi xejriet li ta’ min wieħed jinnota. Ngħidu aħna, meta mqabbla mat-tmien kotba magħżula s-sena l-oħra fil-kategorija “Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż”, din is-sena għaddew biss tliet xogħlijiet. Tnejn minnhom huma mill-kittieba stabbiliti Clare Azzopardi u John Portelli. Iż-żewġ kittieba huma debuttanti f’dil-forma narrativa twila, u t-tnejn li huma wkoll jesploraw it-tema ġjalleska bi stil ta’ kitba li ma jħallikx tagħlaq il-ktieb qabel taqrah. Il-kotba msemmija huma Castillo u Kulħadd barra Fajża, rispettivament. It-tielet ktieb finalist huwa The Reluctant Healer tal-kittieba veterana Lou Drofenik, li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fir-rumanzi sentejn ilu, u li mistennija tniedi rumanz ieħor waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019.

Għal kuntrarju tas-sena l-oħra, l-għadd ta’ kotba fil-kategorija tan-novelli bil-Malti u bl-Ingliż kien akbar mir-rumanzi. Fost l-oħrajn insibu kittieba magħrufa għall-ġeneru bħal Trevor Żahra, Joe Friggieri u Lina Brockdorff, iżda mhux ta’ min jagħlaq għajnejh għal awturi bħal Rita Saliba u John P. Portelli. Imbagħad il-kategorija tal-poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż fiha żewġ kotba biss, Framed minn Maria Grech Ganado, li hija bl-Ingliż, u Bil-Boqxiex ta’ Louis Briffa, ġabra ta’ poeżiji bil-Malti. Fil-kategorija l-ġdida “Letteratura mhux fittizja”, żewġ kotba biss għamluha mal-finalisti: Chambers of Memory: Roaming the Mansions of Mnemosyne ta’ Richard England u No Man’s Land: People Place Pollution, ta’ Marie Briguglio, bl-illustrazzjonijiet ta’ Steve Bonello.

Karatteristika interessanti oħra tikkonċerna n-numru kbir ta’ kotba li jinsabu fiż-żewġ kategoriji tar-Riċerka Ġenerali u r-Riċerka Bijografika u Storjografika. It-temi trattati jvarjaw mill-kultura, it-tradizzjonijiet u l-folklor ta’ Malta, l-istorja, il-futbol, l-arti u l-kritika litterarja, sa kotba dwar persunaġġi Maltin u barranin. Wieħed jista’ jinnota wkoll li t-tieni kategorija msemmija hawnhekk fiha numru kważi indaqs skont in-natura tar-riċerka: 6 titli ta’ natura storjografika u 5 bijografiji. Dawn iż-żewġ kategoriji jistgħu jiddandnu wkoll b’għadd ta’ ritratti meħuda professjonalment minn uħud mill-aqwa fotografi Maltin, li jakkumpanjaw ir-riċerka metikoluża.

Ix-xogħlijiet oriġinali u tradotti kollha fil-lista tal-finalisti għall-Premju Terramaxka kollha miktuba bil-Malti, u ħarsa lejn edizzjonijiet preċedenti turi li l-kwalità u l-għadd ta’ kotba ppubblikati qed kulma jmur jiżdiedu, kemm għax-xogħlijiet oriġinali kif ukoll għat-traduzzjonijiet tat-tfal u l-adolexxenti. L-awturi ta’ dawn il-kotba fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ismijiet magħrufa, iżda ta’ min isemmi wkoll kittieba u illustraturi ġodda li jidhru mal-finalisti.

Il-lista tal-kotba finalisti tista’ tintuża bħala linja gwida ta’ min joqgħod fuqha dwar l-aħjar kotba li jkunu ġew ippubblikati s-sena ta’ qabel. Il-kotba kollha se jkunu disponibbli għall-bejgħ fl-istands tal-pubblikaturi u tal-bejjiegħa tal-kotba fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019, li se jsir mis-6 sal-10 ta’ Novembru 2019 fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.

 


Share Article